In-negozjaturi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ftehmu dwar skema ġdida biex tipproteġi l-hekk imsejħa “indikazzjoni ġeografika” tas-snajja’ tradizzjonali fil-livell tal-UE u dak internazzjonali.

Il-leġiżlazzjoni l-ġdida se tnaqqas id-distakk bejn is-sistemi nazzjonali fl-UE billi tipproteġi l-kwalità oriġinali u t-tradizzjoni ta’ oġġetti rinomati lokalment bħal ġojjellerija, tessuti, bizzilla, ġebel naturali, ħġieġ u porċellana kemm fl-UE kif ukoll internazzjonalment.

Flessibilità għall-istati membri u faċilitajiet għall-iżgħar kumpaniji u artiġjani

Ir-regoli l-ġodda jipprevedu proċedura biex jiġu rreġistrati l-indikazzjonijiet ġeografiċi (GIs) l-ewwel fil-livell nazzjonali, u eżami tal-applikazzjoni tal-produtturi mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-UE (EUIPO). Biex tissaħħaħ l-effettività tal-parti nazzjonali ta’ dan il-proċess, il-MPE żguraw li se jkun hemm skedi ta’ żmien stabbiliti għat-tlestija tad-diversi passi amministrattivi. In-negozjaturi tal-Parlament u tal-Kunsill qablu wkoll li l-istati membri se jkunu jistgħu jiddeċiedu jekk iwaqqfux awtorità ta’ reġistrazzjoni nazzjonali jew iħallux lill-EUIPO tkopri l-proċess kollu ta’ reġistrazzjoni għalihom. Pajjiżi mingħajr awtorità nazzjonali għandhom jaħtru punt wieħed ta’ kuntatt biex jgħin fl-applikazzjonijiet u l-mistoqsijiet tekniċi relatati mal-prodott partikolari.

Fuq inizjattiva tal-MPE, il-produtturi se jkunu jistgħu jissottomettu l-applikazzjonijiet tagħhom elettronikament. L-awtoritajiet nazzjonali se jassistu lill-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (MSMEs) fit-tħejjija tal-applikazzjonijiet tagħhom u l-miżati ta’ reġistrazzjoni mitluba fil-livell nazzjonali se jqisu s-sitwazzjoni tagħhom.

Kontrolli mill-awtoritajiet nazzjonali, inklużi s-swieq elettroniċi

L-awtoritajiet nazzjonali se jwettqu kontrolli tas-suq u jiżguraw li l-prodotti jitqiegħdu fis-suq skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott tagħhom. Il-MPE żguraw li dawn ir-regoli l-ġodda se japplikaw ukoll għal oġġetti mibjugħa fuq l-internet. Biex jissaħħaħ l-aċċess għall-informazzjoni, se jkun hemm portal diġitali pubbliku bid-dettalji tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni.

Il-passi li jmiss

Dan il-ftehim informali issa jrid jiġi konfermat mill-plenarja tal-Parlament u l-Kunsill qabel jidħol fis-seħħ 20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE. Ir-regolament se japplika sentejn wara din id-data. Il-Kummissjoni se jkollha tivvaluta r-riżultati tal-applikazzjoni kull ħames snin.