Id-drittijiet tal-ħaddiema, il-kundizzjonijiet tal-impjieg u r-relazzjonijiet industrijali ikunu fuq l-aġenda f’dan iż-żmien tas-sena meta l-imsieħba soċjali, speċjalment it-trejdjunjins, ifakkru Jum il-Ħaddiem.

L-influss ta’ ħaddiema barranin, partikolarment ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li qed jitħallsu pagi baxxi, kien żvilupp kbir fl-ekonomija Maltija fl-aħħar għaxar snin. Kien hemm każijiet fejn dawn il-ħaddiema barranin niżlu Malta, u ttieħdu mill-ewwel lejn il-post tax-xogħol tagħhom. Bilkemm titwemmen kif fi ftit ta’ sigħat qed ikunu mistennija jibdew jaqdu dmirijiethom, mingħajr ma jiġu infurmati jew jingħataw taħriġ adegwat. Dan la huwa ġust għall-impjegati, li x’aktarx ikunu taħt xokk, u lanqas għal dawk li qed jirċievu s-servizzi tagħhom. Każ tipiku huwa s-settur tal-kura tas-saħħa, fejn dawn l-impjegati li xi drabi jkollhom problemi biex jikkomunikaw ibatu biex jiftehmu mal-pazjenti Maltin. Barra minn hekk, mhu qed jingħata l-ebda taħriġ lil dawn il-ħaddiema biex jidraw il-kultura lokali, fil-ħiliet bażiċi tal-komunikazzjoni u anki fl-impjieg innifsu.

Dawn il-punti tqajmu kemm il-darba, iżda sfortunatament l-atturi prinċipali, f’dan il-każ dawn il-ħaddiema ta’ pajjiżi terzi, huma assenti minn dan id-dibattitu. Waħda mir-raġunijiet possibbli, hija li dawn l-impjegati qed jiġu mfixkla milli jissieħbu fi trejdjunjins għax jibżgħu minn riperkussjonijiet bħal li jintbagħtu lura pajjiżhom. It-tieni nett, minkejja l-kundizzjonijiet inferjuri offruti, ċittadin minn pajjiż terz li jaqla’ l-paga minima f’Malta, xorta jkun qed jaqla’ d-doppju milli kieku baqa’ jagħmel l-istess xogħol f’pajjiżu. Għalhekk, ma tantx ikunu entużjasti li jsemmgħu leħinhom.

L-isfruttament ta’ ħaddiema barranin qed iġib diffikultajiet fin-negozjar kollettiv u qed iwassal għal kundizzjonijiet agħar għall-impjegati Maltin. Konsegwentement, il-ħaddiema qed jieħdu inqas ‘kejk ekonomiku’ meta mqabbel ma’ għaxar snin ilu. Meta nabbużaw minn ħaddiema barranin inkunu qed nabbużaw minn ħaddiema Maltin ukoll. It-trattament ħażin ta’ ħaddiema barranin huwa abbuż kemm morali kif ukoll legali u dan qed iwassal biex il-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali jibqa’ biss minnu fuq il-karta iżda mhux fil-prattika.

Il-prassi tal-outsourcing u subcontracting  għall-funzjonijiet ewlenin tal-intrapriżi f’attentat biex ikun hemm profitti tajbin f’qasir żmien qed jikkontribwixxu wkoll biex is-sitwazzjoni tmur għall-agħar fuq tliet livelli. Il-Maltin qed jitilfu ċerti xogħol, ħaddiema barranin qed jiġu sfruttati, filwaqt li min iħaddem kultant qed jispiċċa kontrollat mil-istess kumpaniji li jipprovdu dawn il-ħaddiema barranin.

Huwa għalhekk li l-proposta ta’ sħubija obbligatorja fit-trejdjunjins għal ħaddiema bi dħul baxx għandha tiġi esplorata bis-serjetà. Inkella, nirriskjaw li fi żmien sena niltaqgħu u nirrepetu l-istess argumenti.