L-istrateġija ppubblikata dan l-aħħar mill-Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex laqtet il-musmar fuq ras bl-islogan…Gżira tal-villaġġi. Madankollu, wieħed għad irid jara jekk dan id-dokument huwiex biss xewqat fiergħa jew impenn ġenwin biex tinbidel id-direzzjoni qabel ma jkun tard wisq.

Irħula pittoreski, kull wieħed bil-personalità distinta u l-istorja tagħhom huma fil-qalba tal-identità ta’ Għawdex. Dawn huma l-qofol tal-kultura Għawdxija u jistħoqqilhom rikonoxximent għall-kontribut tagħhom għall-identità u l-attrazzjoni tal-gżira.

Wieħed mill-fatturi li jiddefinixxu l-ħajja f’Għawdex huwa l-pass kajman u rilassat, tant li ħafna drabi tissejjaħ bħala l-gżira fejn iż-żmien donnu waqaf. Madankollu, ċerti żoni bħax-Xlendi u Marsalforn qed jitilfu is-seħer tagħhom, fost tħassib dwar imġieba anti-soċjali, kriminalità u żvilupp esaġerat.

Min-naħa l-oħra, ċerti lokalitajiet għadhom joffru esperjenza unika. Mixja fit-toroq u l-isqaqien ta’ postijiet bħar-Rabat, l-Għarb, jew ix-Xagħra turi r-rabta profonda mal-istorja u t-tradizzjonijiet tal-gżira.

It-teżori arkitettoniċi li jinsabu fl-irħula Għawdxin huma xhieda tal-wirt dejjiemi tal-gżira. Djar mibnija bil-franka b’gallariji tradizzjonali tal-injam ikkuluriti, pjazez tar-raħal il-ġmiel tagħhom imżejna bi knejjes u kappelli, u rziezet li jmorru lura sekli sħaħ li jsebħu l-kampanja iqanqlu sensazzjoni unik ta’ post fejn iż-żmien donnu ma jgħaddi qatt. Il-preservazzjoni ta’ dawn il-ġawhar arkitettoniċi mhix biss għażla estetika iżda wkoll impenn biex tiġi onorata l-istorja ta’ Għawdex.

L-irħula Għawdxin mhumiex biss postijiet fejn wieħed jgħix iżda komunitajiet vibranti bit-tradizzjonijiet kulturali u reliġjużi partikolari li jispikkaw mill-bqija tal-pajjiż.

Hekk kif l-industrija tat-turiżmu t’Għawdex qed tkompli tikber, huwa kruċjali li jinstab bilanċ bejn l-iżvilupp u l-preservazzjoni tal-ħajja fl-irħula. Filwaqt li l-influss tat-turisti jġib benefiċċji ekonomiċi, m’għandux isir a spejjeż tal-karattru uniku t’Għawdex. Inizjattivi ta’ turiżmu sostenibbli li jippromwovu vjaġġar responsabbli u rispett għall-kultura lokali huma essenzjali.

L-irħula ta’ Għawdex huma l-qalb u r-ruħ tal-gżira għax jipprovdu tieqa għall-istorja, il-kultura u t-tradizzjonijiet li hu mogħni bihom Għawdex. Hekk kif ngħożżu s-sbuħija u t-trankwillità ta’ dawn l-irħula, irridu naħdmu wkoll kollettivament biex niżguraw il-preservazzjoni tagħhom. Billi nrawmu turiżmu sostenibbli, nirrispettaw it-tradizzjonijiet lokali, u nħarsu l-wirt arkitettoniku, nistgħu nassiguraw li Għawdex jibqa’ gżira ta’ villaġġi, u l-ispirtu tal-passat jibqa’ ħaj. Għalhekk wasal iż-żmien li l-istrateġija tal-2023 nibdew nimplimentawha.