Iż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-ikel ma qed turi l-ebda sinjali ta’ tnaqqis, minkejja indikazzjonijiet li l-inflazzjoni qed tibda tmajna. L-aħħar ċifri uffiċjali ppubblikatu mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li minkejja li r-rata ġenerali tal-inflazzjoni (indiċi tal-prezzijiet bl-imnut) bejn Frar u Awwissu naqset minn 7.1% għal 4%, il-prezzijiet tal-ikel baqgħu jogħlew b’marġini inkwetanti ħafna ta’ 9% fis-sena meta meta mqabbel ma’ Awwissu 2022. Xejra bħal din ma tawgurax tajjeb fil-ġlieda kontra l-faqar peress li l-ispejjeż tal-ikel jieklu parti kbira mill-flus tal-familji bi dħul baxx. Madankollu, din iż-żieda li ilha li bdiet kważi sentejn qed tħalli wkoll impatti sinifikanti fuq l-hekk imsejħa klassi tan-nofs li qed tibda tħoss l-għafsa wkoll.

Minn perspettiva usa’, l-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-ikel f’Malta ilha konsistentement ogħla mill-medja tal-UE, sa minn Mejju li għadda. Barra minn hekk id-differenza (f’termini HICP) ilha tiżdied xahar wara xahar għal kważi 4 punti perċentwali. Din id-diskrepanza qed isseħħ minkejja l-fatt li l-gvern qed jonfoq miljuni biex jissussidja ċ-ċereali u l-għalf tal-annimali fi sforz biex itaffi ż-żidiet fil-prezz ta’ oġġetti essenzjali bħall-ħobż, prodotti tal-ħalib, tjur u laħam. Skont id-dokument ta’ qabel il-baġit tal-2024, sa mill-bidu tal-gwerra fl-Ukrajna sa Ġunju ta’ din is-sena, il-gvern issussidja dan is-settur b’€16.9 miljun.

Il-UHM Voice of the Workers ilha numru ta’ snin tinsisti li l-kumpens dovut għaż-żieda fl-għoli tal-ħajja (COLA) m’għandux ikun intaxxat. Għalkemm l-ammont eżatt għall-2024 għad irid jiġi determinat, skont l-RPI għal Settembru, iż-żieda fil-ġimgħa se tkun ta’ madwar €13. Dan jammonta għal aktar minn żieda ta’ €600 fis-sena. Madankollu, ftit impjegati se jkunu qed jieħdu dan l-ammont peress li bl-eċċezzjoni ta’ dawk bi dħul baxx ħafna, il-bqija tal-ħaddiema se jiġu ntaxxati fuq din iż-żieda li jfisser li l-maġġoranza se jieħdu 75% ta’ dan l-ammont jew saħansitra inqas. Dan ifisser €9.75 fil-ġimgħa jew €507 fis-sena.

Waqt li kien qed jindirizza lill-imsieħba soċjali fl-okkażjoni tat-tnedija tad-dokument ta’ qabel il-baġit tal-2024, il-Kap Eżekuttiv tal-UHM Josef Vella irrimarka li t-tassazzjoni fuq iż-żieda fl-għoli tal-ħajja għas-sena ta’ qabel kienet miżura soċjalment inġusta u ekwivalenti għal tassazzjoni doppja. Vella tenna l-appell tiegħu biex il-gvern jesplora modi biex din il-prattika titneħħa.

Tul is-snin il-proposta tal-UHM sabet l-appoġġ tal-Partit Nazzjonalista u dan l-aħħar anki tal-Kamra tal-Kummerċ u l-Industrija. Il-Baġit tal-2024 se jitħabba fit-30 ta’ Ottubru.