Il-kontroversja dwar l-ilsien nazzjonali, li jsir ilsien barrani f’pajjiżna, għadha ma raqditx. Anzi kompliet tqajjem furur sħiħ, partikularment fost l-akkademiċi u s-soċjeta’ ċivili, wara li l-Ministru tal-Edukazzjoni baqa’ jinsisti li l-Malti għandu jinqata’ mill-iskejjel u ma jibqax il-lingwa tat-tagħlim. 

Voice of the Workers tkellem ma’ Sergio Grech, edukatur u  kittieb ta’ diversi pubblikazzjonijiet u ħa reazzjonjijiet dwar din il-kontroversja. F’kummenti personali, hu wera tħassib dwar jekk humiex qed isiru tentattivi sabiex wieħed ibaxxi l-livell tal-Malti f’pajjiżna.  

Diżgrazzjatament, Malta għandha storja twila ta’ nuqqas ta’ rispett lejn l-ilsien Malti mis-sistema edukattiva. Dan hu fattur stramb għax wara kollox kull pajjiż fid-dinja jagħti importanza lill-ilsien tiegħu. 

“Illum, f’dinja globalizzata u bil-miġja ta’ diversi barranin f’pajjiżna, għandna nibqgħu nagħtu importanza lill-Malti”, sostna Sergio Grech. 

Hu qal li l-idea tal-Malti applikat hi xi ħaġa stramba, astratta u xi ħaġa li ħadd għadu ma fehemha. Għaldaqstant għandna bżonn insaħħu t-tagħlim tal-Malti u ninvestu aktar f’dik li hi l-pedagoloġija u f’dawk li huma riżorsi. Forsi l-awtoritajiet u l-partijiet interessati fit-tisħiħ tal-Malti mhumiex qed jagħtu reklamar biżżejjed lil dawn ir-riżorsi. 

Wieħed għandu jibda jistaqsi jekk din l-idea tal-Malti għall-barranin hix se ssir skuża għal dawk il-Maltin li forsi l-prestazzjoni tagħhom fil-lingwa Maltija mhix daqstant ideali u allura ssir għażla iktar faċli biex jiksbu ċ-ċertifikat edukattiv. 

Sergio Grech qal li ma rridux nevalwaw il-kwistjoni b’mod politiku għax inkella se nfallu. Min hu ta’ rieda tajba, b’saqajh mal-art u jixtieq jindirizza l-kwistjoni bis-serjeta’ għandu jara li kemm it-tagħlim tal-Malti kif ukoll it-tagħlim tal-Ingliż jiġu trattati bl-aħjar mod possibbli. 

“Jien nemmen li l-maġġoranza tal-għalliema temmnu dan”, żied jgħid Sergio Grech. Hu jifhem ukoll il-frustrazzjoni li qed tirrenja bħalissa fl-iskejjel tal-Primarja fejn hemm studenti barranin u li mhux qed jintlaħaq il-progress mixtieq. “M’aħniex qed nagħtu t-tagħlim tal-Malti lilhom biss imma dawn ikunu ħafna drabi parti minn klassi ikbar…..jiena nifhem li hemm din ir-realta’ u din hi xi ħaġa li rridu nindirizzaw”, kompla Sergio Grech. 

Mitlub jikkummenta dwar il-pjan tal-Gvern u liema direzzjoni se jieħu, Sergio Grech stqarr li għad fadal ħafna mistoqsijiet. Hu qal li l-argument tiegħu personali hu bħal tal-għaqdiet u l-partijiet interessati, jiġifieri, li ċ-ċertifikat tal-Malti bħala lsien barrani ma jistax ikollu l-istess livell (il-MQF3).  

“Nemmen li din mhix aċċettabbli”, sostna Sergio Grech filwaqt li rrimarka li “fl-aħħar mill-aħħar tkun qed titneżża’ id-dinjita’ tal-lingwa u tal-eżami kif qed isir illum”. 

Hu żied li “lanqas mhu aċċettabbli għalija personalment li l-Malti jinqasam f’żewġ karti separati, karta għal-lingwa u karta għal-letteratura”. Sergio Grech saħaq li jekk isir hekk, fl-aħħar mill-aħħar, se nitilfu ħafna f’dik li hi esperjenza tat-tagħlim.