Studju li sar mill-European Institute for Gender Equality sab li n-nisa huma f’minoranza fir-rwoli kollha tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-organizzazzjonijiet  tal-media Maltin.  

L-istudju jiddeskrivi l-industrija tal-media f’Malta bħala waħda fejn in-nisa iħabbtu wiċċhom ma’ ostakli sistematiċi għall-avvanz tagħhom f’karigi eżekuttivi. Parteċipanti li ħadu sehem f’dan l-istudju elenkaw numru ta’ raġunijiet li jinkludu d-diskriminazzjoni, il-fastidju u normi kulturali sessisti. 

Industrija, bħalma hi dik tal-media, li tistinka għall-ugwaljanza fil-post tax-xogħol għandha tindirizza diversi kwistjonijiet, fosthom, il-provvediment fil-ħarsien tat-tfal u x-xogħol flessibbli, il-kultura tax-xogħol, kodiċi ta’ prattika tajbin u d-diskrepanza fis-salarji. 

Taħlita ugwali ta’ ħaddiema rġiel u nisa fil-media tista’ twassal f’kontenut aħjar tal-aħbarijiet. B’riżultat ta’  dan, il-pubbliku jkun jista’ japprezza aħjar x-xogħol tal-ġurnalist u jkun edukat aħjar. Iżda l-istudju jisħaq li sabiex ikun hemm kontenut aħjar jeħtieġ li jkun hemm aktar nisa f’pożizzjonijiet ta’ teħid tad-deċiżjonijiet. 

Jekk ikun hemm aktar ugwaljanza fil-kontenut ġurnalistiku, il-pubbliku jkollu għarfien pożittiv ta’ kwistjonijiet bejn is-sessi. Dan imbagħad jirrifletti f’apprezzament aħjar ta’ kwistjonijiet aktar wiesgħa bejn il-ġeneri. 

L-istudju jagħmel numru ta’ proposti, fosthom, li l-media għandha tkun ħielsa minn kull ħaġa li tinstiga l-vjolenza kontra grupp ta’ persuni jew persuna. 

Hawnhekk Voice of the Workers jirreferi għal dak li qalet il-President ta’ Malta fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet fejn saħqet dwar ir-rwol essenzjali tal-media fis-soċjeta’ u appellat biex il-ġurnalisti ma jkunux imxekkla f’xogħolhom. 

Dan il-portal jemmen li filwaqt li l-media hi r-raba’ pilastru tad-demokrazija, din għandha tkun edukattiva u informattiva. Jemmen ukoll li l-ġurnalisti rġiel u nisa għandhom ikunu trattati b’mod dinjituż għall-istess xogħol li jagħmlu biex iwasslu l-verita’.