Għajnuna minn SEM lill-entitajiet lokali jimplimentaw proġetti ffinanzjati mill-UE
Fil-25 ta’ Marzu, 2021 il-MEUSAC tnieda uffiċjalment mill-ġdid bħala Servizzi Ewropej f’Malta – SEM. Fejn jidħol finanzjament mill-UE, SEM se tibni fuq ix-xogħol li diġà sar mill-MEUSAC peress li se tkompli tipprovdi informazzjoni u assistenza dwar programmi ta’ finanzjament tal-UE, b’mod partikolari billi tagħti pariri u tassisti organizzazzjonijiet privati li ma jagħmlux profitt u lill-gvern lokali biex ifasslu u jissottomettu applikazzjonijiet kompetittivi tal-proġett. Barra minn hekk, SEM qed testendi s-servizz aktar billi issa se tassisti wkoll entitajiet lokali fl-implimentazzjoni tal-proġetti finanzjati mill-UE.
L-assistenza fl-implimentazzjoni tal-proġett tinvolvi diversi aspetti, inkluż li tgħin lill-benefiċjarji jifhmu t-termini u l-kundizzjonijiet tal-Ftehim tal-Għotja; tgħinhom jifhmu l-proċeduri amministrattivi u ta’ akkwist li jeħtieġ li jiġu osservati u jgħinhom fit-tħejjija ta’ dokumentazzjoni bħall-progress u r-rapporti finali.
Is-servizzi SEM kollha huma bla ħlas u mogħtija minn tim professjonali impenjat li jagħti servizz effiċjenti u personalizzat lil dawk li jfittxu għajnuna. Għal aktar informazzjoni dwar kwalunkwe kwistjoni relatata mal-UE jew kif l-organizzazzjoni tiegħek tista’ tibbenefika mis-servizzi offruti minn SEM, jekk jogħġbok ikkuntattjana fuq 2200 3300 jew info.sem@gov.mt .