Għat-tieni sena konsekuttiva Jum il-Ħaddiem qed jitfakkar f’ċirkostanzi straordinarji minħabba l-pandemija COVID-19. Dan għaliex ma jistgħux isiru ċelebrazzjonijiet u manifestazzjonijiet tal-massa u lanqas l-attivitajiet li kienu jsir bħal dan iż-żmien mill-UĦM Voice of the Workers bħal konferenza bis-sehem tal-membri, uffiċjali u l-mistednin distinti.

Il-UĦM issellem lil dawk kollha li matul din is-sena kienu fuq quddiem fil-ġlieda kontra l-pandemija, mhux biss dawk fil-qasam tas-saħħa iżda wkoll dawk li kienu kruċjali biex il-ħajja setgħet tkompli u s-servizzi essenzjali ma jieqfux. Il-fatt li l-popolazzjoni bdiet titlaqqam u s-sitwazzjoni reġgħet inġabet taħt kontroll hekk kif in-numru ta’ każi ġodda u dawk attivi naqsu drastikament, jimlina b’kuraġġ għall-futur. Xi minn daqqiet qisna qed nerġgħu ngħixu l-esperjenza ta’ bħal dan iż-żmien sena meta sfortunatament kien hemm min ċeda l-armi għax ħaseb li l-gwerra kienet mirbuħa. Nittamaw li sa sena oħra nkunu ħriġna minn din ġlieda kompletament.  

F’dan il-jum tajjeb li neżaminaw ftit is-sitwazzjoni tal-ħaddiema b’mod ġenerali. Kif jitqabbel il-livell tal-għixien ma’ dak ta’ sena ilu? X’tibdil kien hemm fil-kundizzjonijiet tax-xogħol? X’opportunitajiet ta’ mpjieg qed tiġġenera l-ekonomija Maltija? X’inhuma l-ikbar sfidi? X’livell ta’ djalogu soċjali hawn bħalissa?

Sfortunatament, il-pandemija kellha impatt negattiv fuq firxa wiesgħa ta’ nies. Ħafna qalgħu daqqa fid-dħul finanzjarju tagħhom li ħa majnata b’riżultat li l-livell tal-għixien tagħhom tbaxxa. Filwaqt li l-wage supplement scheme kienet u għadha kruċjali, il-UĦM tinsab diżappuntata li xi employers ma żammewx kelmthom għax ma ħarġux ċenteżmu wieħed mat-€800 li ħareġ il-Gvern kull xahar. Din l-iskema kellha tkun kompromess biex ittaffi l-ispejjeż tal-ażjendi li ntlaqtu ħażin u mhux abdikazzjoni totali min naħa ta’ min iħaddem.

F’Jum il-Ħaddiem il-UĦM tesprimi solidarjetà wkoll ma’ dawk il-ħaddiema li sal-ġurnata tal-lum għadhom qed jiġu diskriminati għax jitħallsu inqas minn kollegi tagħhom li jagħmlu l-istess xogħol. Jekk il-Gvern irid verament jaqbad il-barri minn qrunu irid ikun ta’ eżempju hu stess u mhux idaħħal ċertu prattiċi li jkomplu joħolqu dan l-inġustizzji. Ċertu kuntratti ta’ outsourcing ma jagħmlu sens ta’ xejn ħlief biex il-Gvern juża l-kuntratturi bħala paraventu għall-impjiegi fis-settur pubbliku mingħajr ma jkun marbut li joffrilhom kundizzjonijiet xierqa.

Il-UĦM tħares  ’il quddiem u tittama li tfassil ta’ labour market Policy ġdida tkun opportunità li jiġu indirizzati ċertu nuqqasijiet filwaqt li ma jsirux ċertu żbalji li saru fil-passat. Tajjeb li jinħoloq ix-xogħol, imma ma rridux inħarsu biss lejn in-numri. Il-familji Maltin jistennew ukoll li ma jkunx il-Gvern stess li jagħmel pressjoni ’l isfel fuq il-pagi billi jippromwovi lil Malta bħala post tac-cheap labour. L-istatistika li ħarġet dan l-aħħar li 40% tal-ġid ta’ Malta jinsab għand 5% biss tal-popolazzjoni għandha tiftaħ għajnejn il-Gvern biex id-distakk bejn il-fqar u s-sinjuri ma jkomplix jikber. L-iskop aħħari għandu jkun dejjem li mill-ġid li jinħoloq igawdi kulħadd. Dak hu l-ikbar rigal li jista’ jingħata l-ħaddiem lil hinn mir-retorika politika ta’ meta tibda toqrob elezzjoni ġenerali.