Il-Parlament ivvota b’maġġoranza kbira favur l-approvazzjoni għall-ftehim li jistabbilixxi r-regoli tar-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit.

Id-Deċiżjoni ġiet adottata b’600 vot favur, 5 kontra u 32 astensjoni, filwaqt li r-riżoluzzjoni li takkumpanjaha, li tistabbilixxi l-evalwazzjoni tal-Parlament u l-aspettattivi mill-ftehim, għaddiet b’578 voti, b’51 kontra u 68 astensjoni. Il vot sar it-Tlieta, bir-riżultati jitħabbru l-Erbgħa.

Fl-24 ta’ Diċembru 2020, in-negozjaturi tal-UE u tar-Renju Unit kienu qablu dwar il-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni li jistabbilixxi t-termini għal kooperazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit. Sabiex jiġi minimizzat it-tfixkil, il-ftehim ilu jiġi applikat proviżorjament mill-1 ta’ Jannar 2021. L-approvazzjoni tal-Parlament hija meħtieġa biex il-ftehim jidħol fis-seħħ b’mod permanenti qabel ma jiskadi fil-30 ta’ April 2021.


It-tluq huwa “żball storiku”, iżda l-ftehim huwa milqugħ

Fir-riżoluzzjoni mħejjija mill-Grupp ta’ Koordinazzjoni tar-Renju Unit u l-Konferenza tal-Presidenti, il-Parlament jilqa’ bis-sħiħ il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit li jillimita l-konsegwenzi negattivi tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, li huwa jqis bħala “żball storiku” peress li l-ebda pajjiż terz ma jista’ jgawdi l-istess benefiċċji bħal meta jkun membru tal-UE.

Il-MPE jqisu b’mod pożittiv il-ftehimiet kummerċjali mingħajr kwoti u mingħajr tariffi bejn l-UE u r-Renju Unit, u l-garanziji dwar regoli tal-kompetizzjoni ġusti jistgħu jservu bħala mudell għal ftehimiet kummerċjali futuri. Il-Parlament japprova wkoll id-dispożizzjonijiet dwar, fost l-oħrajn, is-sajd, il-konsumaturi, it-traffiku tal-ajru u l-enerġija.

Madankollu, il-MPE jiddispjaċihom li r-Renju Unit ma riedx li l-ftehim jiġi estiż għall-politiki barranin, ta’ sigurtà u ta’ żvilupp u ma riedx jipparteċipa fil-programm ta’ skambju tal-istudenti Erasmus+.

Il-paċi fl-Irlanda

Filwaqt li ndikaw li l-paċi fil-gżira tal-Irlanda hija waħda mill-għanijiet ewlenin tal-Parlament biex jaqbel mar-relazzjoni futura, il-MPE jikkundannaw l-azzjonijiet unilaterali reċenti tar-Renju Unit li kisru l-Ftehim dwar il-Ħruġ. Huma jappellaw lill-gvern tar-Renju Unit “biex jaġixxi in bona fede u jimplimenta bis-sħiħ it-termini tal-ftehimiet li ffirma”, inkluż il-Protokoll dwar l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq, u japplikahom abbażi ta’ kalendarju stabbilit b’mod konġunt mal-Kummissjoni Ewropea.


Il-Parlament għandu jkun involut fil-monitoraġġ

Il-MPE jissottolinjaw li l-Parlament għandu jkollu rwol sħiħ fil-monitoraġġ ta’ kif jiġi applikat il-ftehim, inkluż billi jkun involut f’azzjonijiet unilaterali tal-UE skont il-ftehim u billi jittieħed kont tal-fehmiet tiegħu. Bil-kunsens tal-Parlament, il-ftehim se jidħol fis-seħħ ladarba l-Kunsill ikun ikkonkludieh sat-30 ta’ April.