Fl-2020, terz tal-popolazzjoni Maltija ma kellhiex il-mezzi finanzjarji biex tmur btala ta’ ġimgħa filwaqt li wieħed minn kull sitta ma kellux biżżejjed flux biex ikopri spiża f’daqqa li taqbeż €740. Iċ-ċifri jirrappreżentaw żieda żgħira meta mqabbla ma’ dawk għall-2019 u huma xhieda tat-tħassib li t-tkabbir ekonomiku robust irreġistrat qabel il-pandemija tal-COVID-19, ma niżilx għal-livelli kollha tas-soċjetà.

Dawn l-indikaturi joħorġu minn studju annwali ppubblikat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li jħares lejn ix-xejriet dwar id-dħul finanzjarju u l-kundizzjonijiet tal-għajxien fost persuni li jgħixu fid-djar privati ​​f’Malta u Għawdex.

Jirriżulta li s-sena li għaddiet 32.9% tal-popolazzjoni, li jammontaw għal 166,210 persuni, ma setgħux jaffordjaw li jħallsu għal ġimgħa btala annwali barra mid-dar. Meta mqabbel mal-2019, din timmarka żieda ta’ 16,700 persuna li tirrappreżenta żieda ta’ 2.1 punti perċentwali.

Fir-rigward tal-mezzi finanzjarji biex tlaħħaq ma’ spiża finanzjarja mhux mistennija – definita bħala minn €740 ’il fuq – l-NSO qal li fl-2020 kien hemm 82,169 persuna li qalu li ma jistgħux jaffordjaw nefqa bħal din. Dawn jammontaw għal 16.3% tal-popolazzjoni, li hija 1.2 punti perċentwali ogħla mill-2019 meta ċ-ċifra rispettiva kienet ta’ 73,272 persuna.

Dawn iż-żewġ indikaturi huma fost sett ta’ disgħa stabbiliti fuq livell Ewropew bħala l-aktar komponenti rilevanti biex jitkejjel il-faqar. Kull min ma jistax jaffordja mill-inqas tlieta minn dawn id-disa’ indikaturi huwa kunsidrat bħala materjalment imċaħħad, u severament materjalment imċaħħad jekk ma jistax jaffordja erbgħa minn dawn l-indikaturi.

X’inhuma dawn id-disa’ indikaturi ewlenin?

  • kapaċità li tiffaċċja spejjeż finanzjarji mhux mistennija (€740 jew aktar)
  • jekk kinux f’arretrati fuq ħlasijiet ta’ kera, kontijiet, ħlasijiet bin-nifs jew self
  • il-ħila li żżomm id-dar sħuna fix-xitwa
  • l-abbiltà li tħallas għal vaganza annwali ta’ ġimgħa barra mid-dar
  • il-mezzi biex tiekol laħam, tiġieġ, ħut jew ekwivalenti veġetarjan kull tieni jum
  • ikollok magna tal-ħasil
  • ikollok TV tal-kulur
  • ikollok telefon (inkluż telefon ċellulari)
  • ikollok karozza

It-tabella hawn taħt tqabbel il-perċentwali ta’ dawk li ma jistgħux jissodisfaw uħud mill-indikaturi ewlenin fl-2019 u fl-2019 rispettivament.

X’inhi s-sitwazzjoni ġenerali?

Jirriżulta li fl-2020, 43,733 persuna iddikjaraw li ma jistgħux jaffordjaw tlieta mill-indikaturi ta’ hawn fuq, li jfisser li kienu materjalment imċaħħda. Dan irrappreżenta 8.7% tal-popolazzjoni, u żieda marġinali ta’ 0.3 punti perċentwali fuq l-2019.

Min-naħa l-oħra, dawk kategorizzati bħala mċaħħda materjalment b’mod sever naqsu b’0.3 punti perċentwali fuq l-2019. Konsegwentement, fl-2020 kien hemm 16,636 persuna f’ċaħda materjali severa (3.3%) meta mqabbla mas-17,506 fl-2019.

Indikaturi sekondarji

L-istudju jieħu wkoll stampa tal-livell tal-għajxien ta’ Malta permezz ta’ sett ta’ indikaturi sekondarji. Is-sena li għaddiet, 2.3% tal-popolazzjoni jew 9,958 persuna ma kellhomx flus biex ikollhom l-internet id-dar. Dan sar għodda importanti għal servizzi essenzjali bħall-edukazzjoni wara l-bidu tal-pandemija. Ta’ tħassib partikolari huwa l-fatt li fuq l-2019 dawn żdiedu b’1,005 persuna.

Xejriet notevoli oħra rreġistrati fl-2020 meta mqabbla mal-2019 huma dawn li ġejjin:

  • 22,963 (5.4%) ma setgħux jaffordjaw li jissostitwixxu ħwejjeġ li jintlibsu b’oħrajn ġodda – żieda ta’ 4,354 persuna (0.8 punti perċentwali)
  • 23,770 (5.6%) ma jifilħux għal żewġ pari żraben – żieda ta’ 4,971 persuna (punt perċentwali 1)
  • 31,481 (7.4%) ma setgħux jaffordjaw laqgħa mal-ħbieb għal xarba/ikla mill-inqas darba fix-xahar – tnaqqis ta’ 785 persuna (0.5 punti perċentwali)
  • 46,475 (10.9%) ma setgħux jaffordjaw li jipparteċipaw regolarment f’attività ta’ divertiment – tnaqqis ta’ 9,049 (2.7 punti perċentwali)
  • 47,611 (11.2%) ma setgħux jaffordjaw li jonfqu ammont żgħir ta’ flus kull ġimgħa għalihom infushom – tnaqqis ta’ 0.8 punti perċentwali.