Fondi Ewropej għal appoġġ tal-bini tal-kapaċita’ istituzzjonali amministrattiva
Il-Fond Soċjali Ewropew hu l-istrument ewlieni Ewropew biex jingħata appoġġ lix-xogħol, biex tingħata assistenza lin-nies ħalli jsibu mpjiegi aħjar u biex jassigura opportunitajiet ta’ xogħol iżjed ġusti għaċ-ċittadini Ewropej kollha. Il-Kummissjoni Ewropea u l-pajjiżi Ewropej fi sħubija elenkaw il-prijoritajiet tal-Fond u kif jonfoq ir-riżorsi tiegħu.
Waħda mill-prijoritajiet tal-Fond għal Malta hu l-bini tal-kapaċita’ istituzzjonali amministrattiva. B’din il-prijorita’, il-Gvern se jibni l-kapaċita’ tal-partijiet interessati lokali fl-edukazzjoni, fit-tagħlim matul il-ħajja, fit-taħriġ, fix-xogħol u l-policies soċjali, sabiex jassigura li dawn ikollhom l-kompetenza neċessarja ħalli jipparteċipaw b’mod attiv fid-djalogu soċjo-ekonomiku li jwassal għal proċess aktar effettiv u msaħħaħ fl-għamla tal-politika.
L-interventi jridu jiffokaw fuq il-provvediment tal-miżuri neċessarji fil-bini tal-kapaċita’, fosthom it-taħriġ, ir-riċerka u appoġġ għal inizjattivi ta’ networking li jiżviluppaw ir-riżorsi umani fi ħdan l-organizzazzjinijiet tal-partijiet interessati. Dan iwassal lill-imsieħba soċjali u ċivili sabiex jilħqu lill-membri tagħhom bl-aktar mod effiċjenti u b’hekk ikun iġġenerat aktar interess u parteċipazzjoni attiva fuq kwistjonijiet nazzjonali.
Il-partijiet interessati, allura, jiskbu l-informazzjoni u l-għarfien meħtieġ sabiex minnufih jgħinu fit-tfassil ta’ opinjoni dwar proposti għal riformi u policies.
Għal iżjed tagħrif dwar il-Fond Soċjali Ewropew u fondi oħra tal-Unjoni Ewropea, ikkuntattjaw lill-MEUSAC fuq 2200 3300 jew info.meusac@gov.mt