Ħaddiema tal-ambulanzi fl-Isptar Mater Dei jinsabu mgħaddba għall-fatt li filwaqt li l-Gvern qed isib  il-flus biex jinvesti f’tagħmir ġdid, qed jixxaħħaħ magħhom tant li ilhom snin jistennew ftehim kollettiv ġdid biex itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.

Il-kwistjoni tikkonċerna dawk li jissejħu emergency ambulance responders u t-team leaders li ilhom f’taħditiet mal-Gvern għal dawn l-aħħar tliet snin. Dan is-sentiment ħareġ fid-deher ftit tal-jiem ilu meta l-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne inawgura control room ġdida b’nefqa ta’ €600,000 filwaqt li għaddej il-proċess biex jinxtraw 15-il ambulanza ġdida.

“Id-Dipartiment tas-Saħħa nefaq dawn il-flus kollha fuq dawn il-proġetti iżda ma sab xejn biex jagħlaq il-ftehim għal dawn il-ħaddiema li qed jagħtu servizz ta’ fejda,” ħaddiema tal-ambulanzi qalu lill-Voice of the Workers Weekly.

Huma spjegaw li minkejja dan l-atteġġjament fil-konfront tagħhom, fl-eqqel tal-pandemija kienu fuq quddiem biex jgħinu fl-isforz nazzjonali li sar u kienu esposti għal riskji kbar minħabba li kienu f’kuntatt dirett ma’ persuni infettati bil-Covid-19.

Fi Frar li għadda dawn il-ħaddiema kienu kostretti li jeskalaw l-azzjonijiet tagħhom wara li bdew jiġu sistematikament injorati mill-Gvern. Kien għalhekk li l-UHM Voice of the Workers kienet ħarġet diversi direttivi li madankollu bl-ebda mod ma kienu se jipperikolaw is-saħħa tal-pazjenti jew każijiet urġenti. Minkejja dan, il-Gvern kien ħa lill-dawn il-ħaddiema l-Qorti permezz ta’ mandat ta’ inibizzjoni li wassal biex l-azzjonijiet kellhom jiġu sospiżi. Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti kienet saħqet fuq l-importanza li ż-żewġ partijiet jagħmlu sforz biex isibu ftehim iżda ġara li l-ħaddiema tħallew lampa stampa.

“Minn Marzu lil hawn  għandna xorti għamilna ħames laqgħat dwar il-dan il-ftehim. Mela hekk sew, il-Qorti qatgħetha li l-azzjonijiet kienu qed jipperikolaw is-servizz biex imbagħad il-Ministeru tas-Saħħa ma ġabx rispett lejn dawn il-ħaddiema qisu xejn mhu xejn. Jidher li l-Gvern għal kollox qed isib flus imma mhux għall-ħaddiema tal-ambulanzi,” il-ħaddiema qalu.

Charles Vella, manager tat-taqsima tal-UHM  fisser kif il-union tagħraf l-importanza li jsir investiment bħal dak fil-control room, ambulanzi ġodda u anki rapid response vehicles. Madankollu qal li l-investiment irid isir ukoll fil-ħaddiema li se jużaw dan it-tagħmir. “Dawn il-ħaddiema taw l-aħjar servizz bil-limitazzjonijiet li kellhom u f’kull sitwazzjoni. Iżda wasal il-waqt li jkollhom ftehim xieraq li jirrifletti s-servizz li qed jagħtu. Issa hu ż-żmien opportun li filwaqt li qed ikunu inawgurati dawn l-affarijiet ikun hemm ukoll kundizzjonijiet aħjar għal dawn il-ħaddiema. B’hekk verament inkunu nistgħu ngħidu li qed isir l-aħjar investiment biex is-servizz ikompli jitjieb,” Vella sostna