‘Fit for 55’ – Twettiq ta’ Miri dwar il-Klima
L-impenn tal-UE li tikseb in-newtralità klimatika sal-2050 billi tnaqqas l-emissjonijiet b’mill-inqas 55% sal-2030, jeħtieġ reviżjoni tal-klima, l-enerġija u t-trasport tal-UE. Dan qed jiġi indirizzat permezz ta’ sett ta’ leġiżlazzjoni tal-UE, imsejjaħ il-pakkett ‘Fit for 55’.
Il-pakkett ta’ proposti għandu l-għan li jistabbilixxi inizjattivi ġodda bil-għan li jiżgura li l-politiki tal-UE jkunu konformi mal-għanijiet tal-klima biex jitnaqqsu sostanzjalment il-livelli attwali tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra.
Il-pakkett Fit for 55 jinkludi reviżjoni ta’ proposti leġiżlattivi u inizjattivi ta’ politika fosthom: is-sistema ta’ skambju ta’ emissjonijiet tal-UE, li testendiha għall-avjazzjoni u t-tbaħħir, it-trasport bit-triq u l-bini, tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet tossiċi, l-użu tal-art, enerġija rinnovabbli, effiċjenza fl-enerġija, infrastruttura ta’ fuels alternattivi, standards ta’ emissjonijiet ta’ CO2 għal karozzi u vannijiet, tassazzjoni fuq l-enerġija, u mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-fruntieri tal-karbonju.
Il-pakkett għandu l-għan li jipprovdi qafas koerenti u bilanċjat biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi tal-UE, li huwa soċjalment ġust, iżomm u jsaħħaħ l-innovazzjoni u l-kompetittività tal-industrija tal-UE filwaqt li jiżgura kundizzjonijiet ekwi għal operaturi ekonomiċi ta’ pajjiżi terzi.