Fejn sejrin il-valuri?
M’għadx hawn fiduċja fil-pajjiż. Żewġ avvenimenti partikulari tappnu r-reputazzjoni ta’ Malta – l-iskandlu tal-Panama Papers li heżżeż il-politika lokali u, agħar minn hekk, il-qtil brutali tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Dawn l-avvenimenti, fost oħrajn, tefgħu dell ikrah fuq id-demokrazija fil-pajjiż u fuq is-saltna tad-dritt. Id-dibattitu li sar fil-Parlament Ewropew fil-jiem li għaddew wera tħassib kbir dwar il-bejgħ tal-passaporti, in-nuqqas ta’ investigazzjonijiet mill-Pulizija fuq il-Panama Papers u l-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Voice of the Workers iħoss li r-rispett ta’ pajjiżna lejn il-valuri fundamentali Ewropej, jiġifieri d-dinjita’ umana, il-liberta’, id-demokrazija, l-ugwaljanza, is-saltna tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, qed jonqos. Jidher li l-valuri demokratiċi tagħna u l-istituzzjonijiet qed ikunu mhedda. Qed tirrenja kultura ta’ “xejn mhu xejn” u “ta’ kollox jgħaddi” – kultura li, sfortunatament qed issib ruħha f’kull aspett tas-soċjeta’.
Għaliex? X’qed jiġri f’dan il-pajjiż? Dan il-portal ukoll josserva li l-valuri tal-fidi kattolika tal-Maltin m’għadhomx ċentrali fis-soċjeta’ tagħna u wieħed għandu jħares lejn kif se niżviluppaw il-proċess sekulari ta’ pajjiżna. Il-valuri nsara huma, wara kollox, valuri umani u temmen jew ma temminx, trid tiggwida ruħek fuq il-valuri. Allaħares il-valuri ma jibqgħux ċentrali.
Voice of the Workers jikkontendi li l-istil ta’ politika li qed issir f’pajjiżna qed twassal għal dan it-tmermir fil-valuri tagħna. L-amministrazzjoni u l-governabbilta’ ħażina kif ukoll il-korruzzjoni saru r-regola milli l-eċċezzjoni. Għaldaqstant, dawn iwasslu għal nuqqas ta’ fiduċja fl-istituzzjonijiet pubbliċi u jdgħajfu, mhux biss il-fiduċja tagħna f’governanza tajba, iżda wkoll ir-reputazzjoni tal-pajjiż, speċjalment fis-servizzi finanzjarji fejn il-pajjiż kien kiseb avvanzi kbar.
Allura x’għandu jsir? Jeħtieġ li naraw bidla fil-kultura. Hu wkoll importanti li nibnu mill-ġdid l-fiduċja fil-politika. Iżda biex dan iseħħ l-istituzzjonijiet pubbliċi jridu jkunu b’saħħithom. Ir-riformi meħtieġa fil-Kostituzzjoni, li tirrapreżenta l-governanza demokratika u l-kejl fl-iggvernar tal-istituzzjonijiet, għandhom jitfasslu, jinħmew u jaraw id-dawl.
Amministrazzjoni tal-ġustizzja effiċjenti u effettiva hi essenzjali għad-demokrazija. Imma din, fost oħrajn, ġiet taħt skrutinju bil-pożizzjoni tal-Kummissarju tal-Pulizija li tqanqal ħafna dubji.
Wasal iż-żmien urġenti li l-pajjiż iqum mir-raqda li jinsab fiha għax jekk ma jsir xejn, l-identita’ Ewropea Maltija titnawwar u l-valuri li sawruna bħala Maltin jispiċċaw itiru mar-riħ.