Membri tal-Parlament Ewropew ikkundannaw b’saħħa kull forma ta’ vjolenza sesswali u jiddeploraw l-fatt li dawn l-atti qed ikunu ttollerati wisq faċilment. Il-ħatja għandhom ikunu kkastigati. 

Il-Parlament qed isostni t-talba li kienet għamlet lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tipproponi strateġija, fosthom abbozz ta’ liġi, sabiex in-nisa jkunu  mħarsa kontra  l-vjolenza, inkluż il-fastidju sesswali u l-abbuż sesswali ta’ nisa u bniet. 

Il-ġlieda kontra l-fastidju sesswali wkoll tinkludi għarfien, kampanji edukattivi u li jkunu trattati kwistjonijiet fosthom dwar  l-istigma soċjali. 

Ir-resoluzzjoni għaddiet b’580 vot kontra għaxra, b’27 astensjoni. 

Il-fastidju sesswali fil-Parlament 

Il-Parlament Ewropew għandu jeżamina b’mod urġenti l-allegazzjonijiet riċenti ta’ fastidju sesswali u abbuż, jintroduċi taħriġ mandatorju għall-istaff kollu u l-Membri dwar ir-rispett u  d-dinjita’ fil-post  tax-xogħol, iżomm  reġistru kunfidenzjali ta’  każijiet, iwaqqaf task force ta’ esperti indipendenti u jsaħħaħ proċeduri formali u appoġġ għal vittmi fi proċeduri fi ħdan il-Parlament Ewropew u/jew mal-pulizija lokali. 

Stati membri għandhom ukoll jeżaminaw is-sitwazzjoni fil-parlamenti nazzjonali u jieħdu l-miżuri neċessarji. Il-membri parlamentari Ewropej qalu li “l-politiċi għandhom jaġixxu b’responsabbilta’ billi jipprevjenu  u jiġġieldu l-fastidji sesswali fil-Parlamenti u lil hinn minnhom.” 

Fatti ta’ malajr 

  • Skont studju li sar mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali fl-2014 dwar il-vjolenza  kontra  n-nisa: 
  • Waħda  minn tliet nisa esperjenzaw vjolenza fiżika jew  sesswali matul il-ħajja adulta tagħhom; 
  • Sa 55 fil-mija tan-nisa fl-UE ġew iffastidjati sesswalment; 
  • 32 fil-mija tal-vittmi  kollha  fl-UE qalu li min wettaq ir-reat kien superjur, kollega jew klijent; 75 fil-mija tan-nisa fi professjonijiet kwalifikati jew ta’ top management kienu ffastidjati sesswalment, kif l-istess ġara lil 61 fil-mija tan-nisa impjegati fis-settur tas-servizzi; 
  • 20 fil-mija ta’ tfajliet (bejn it-18 u d-29 sena) fit-28 stat membru tal-UE esperjenzaw fastidju fuq l-internet, u 
  • Waħda minn għaxar nisa kienu suġġetti għal fastidju sesswali bl-użu ta’ teknoloġija ġdida.