Il-UĦM Voice of the Workers, flimkien maċ-Ċentru Ewropew għall-Mistoqsijiet tal-Ħaddiema (EZA) se tlaqqa’ seminar dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fil-Lukanda Cavalieri, San Ġiljan bejn għada l-Ħamis 23 u l-Ġimgħa 24 ta’ Novembru 2017. 

Matul dan is-seminar se jkun hemm  numru  ta’ interventi minn  kelliema lokali u barranin li se jkunu qed jargumentaw kif dan il-Pilastru Ewropew, u  l-inizjattivi li  se joħorġu minnu, se jkun qed jinfilsa ruħu fis-soċjeta’ li qed ngħixu llum. 

Il-Pilastru Ewropew,  li ġie diskuss waqt summit li sar f’Gothenburg  l-Iżvezja fis-17 ta’ Novembru, ikopri 20 prinċipju u drittijiet fosthom “Xogħol sikur u addattat”, “id-dritt għal pagi ġusti” u “id-dritt għal livell għoli ta’  protezzjoni ta’ saħħa u sigurta’  fil-post tax-xogħol”. 

Din il-union qed tittama li dawn il-prinċipji u oħrajn ikunu tradotti minn kliem sabiħ għal  liġijiet u regolamenti speċifiċi kif  ukoll policies li  jagħmlu  differenza pożittiva lill-ħajjiet  tan-nies li jaħdmu. 

Qed ikun ittamat li l-Ewropa, sa fl-aħħar, tiċċaqlaq mill-awsterita’ għad-drittijiet soċjali  u s-solidarjeta’. Jekk il-prinċipji fil-Pilastru Soċjali jkunu  implimentati, in-nies li jaħdmu jkunu offruti tama ġdida sabiex iħossu l-benefiċċji  tal-irkupru ekonomiku tal-Unjoni Ewropea bl-iskop li l-istituzzjoni reġjonali tieħu  nifs ġdid. 

Is-summit ta’ Gothenburg,  l-ewwel laqgħa għolja soċjali tal-UE wara 20 sena, għandu jkun  segwit b’imbottatura serja lejn l-implimentazzjoni, fosthom Pjan ta’ Azzjoni mill-Kummissjoni Ewropea u mill-istati membri fosthom Malta.  Dan  sabiex ikun hemm inizjattivi leġislattivi ġodda, policies, miżuri u  azzjonijiet oħrajn sabiex jimplimentaw id-drittijiet li jinsabu fil-Pilastru Soċjali.  

Jeħtieġ ukoll li  jkun  hemm opportunitajiet ġodda sabiex ikunu indirizzati sfidi komuni għas-swieq tax-xogħol u mudelli ta’ ħarsien soċjali għal-lum  u għal għada.