Din id-darba se nivvota: l-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew 2019
L-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew dalwaqt jaslu u, skont il-Parlament Ewropew, “billi tivvota, tkun qed tgħin biex tiddeċiedi liema Ewropa se jkollna fis-snin li ġejjin”. Il-Parlament Ewropew hu fil-fatt l-unika istituzzjoni fejn il-membri tagħha huma direttament eletti miċ-ċittadini tal-UE.
Din is-sena, forsi aktar minn qatt qabel, jeħtieġ li ċ-ċittadini jkunu informati tajjeb dwar is-sinifikat tal-elezzjonijiet ta’ din is-sena b’rabta mal-futur tal-UE. Dan jista’ jsir billi wieħed jiltaqa’ mal-persuni li esperjenzaw it-tħaddim tal-istituzzjoni nnifisha: l-Ewro Parlamentari.
Fil-25 ta’ Jannar 2019, Europe Direct Valletta, il-MEUSAC u l-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta organizzaw l-ewwel minn serje ta’ avvenimenti relatati mal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li se jsiru fil-25 ta’ Mejju, u l-kampanja thistimeimvoting.eu
Il-panel inkluda lill-Ewro Parlamentari Roberta Metsola, Marlene Mizzi, Alfred Sant u Francis Zammit Dimech. Dawk li attendew esprimew l-opinjonijiet tagħhom fuq kwistjonijiet importanti li l-UE qed taffaċċja bħalissa, u l-futur tal-Unjoni nnifisha. Il-parteċipanti wkoll staqsew mistoqsijiet relatati maz-zona ewro, policies soċjali, is-saħħa u l-qawmien ta’ sentimenti populisti fi ħdan l-Istati Membri tal-UE.
Għal aktar informazzjoni dwar avvenimenti fil-ġejjieni rigward l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, segwu l-website tal-MEUSAC u l-paġna tal-Facebook.