Dak li ksibna u t-triq ’il quddiem
Kien fl-1966 meta grupp ta’ ħaddiema fis-settur pubbliku iddeċidew li jingħaqdu u jiffurmaw union li llum il-ġurnata hi magħrufa bħala UHM Voice of the Workers. L-għan aħħari tal-fundaturi tal-unjin immexxija mis-Segretarju Ġenerali Maurice Agius u l-President Salvino Spiteri kien li jħarsu d-drittijiet tal-ħaddiema u jkunu katalist għall-bidla.
Prinċipju fundamentali li mexxa din l-union tul dawn il-55 sena hu li qatt ma ġiet imxekkla minħabba xi affiljazzjonijiet politiċi. Dan ma jfissirx li baqgħet lura milli tieħu ċertu pożizzjonijiet biex ma tirfes il-kallu ta’ ħadd. Kien hemm żminijiet meta l-UĦM ma setgħetx tibqa’ newtrali bħad-dibattitu dwar is-sħubija fl-UE, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u ż-żidiet fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Ma ninsewx li l-ewwel tilwima kbira tal-unjin kienet dwar il-kundizzjonijiet tal-impjegati tas-settur pubbliku fi żmien l-amministrazzjoni Nazzjonalista mmexxija minn Ġorġ Borg Olivier. Segwew is-snin sebgħin li kienu karatterizzati politika ta’ konfrontazzjoni ta’ Dom Mintoff u t-theddida għall-moviment trejdunjonistiku ħieles biż-żwieġ bejn il-Partit Laburista fil-gvern u l-General Workers’ Union.
Din il-ħarsa storika fil-qosor hija importanti biex nifhmu l-ispirtu tat-33 Kungress Nazzjonali li fih il-UHM mhux biss se tieħu rendikont tas-sitwazzjoni preżenti iżda tiddeċiedi dwar il-miri ewlenin għall-ħames snin li ġejjin.
Oriġinarjament skedat għas-sena li għaddiet, dan l-avveniment kellu jiġi pospost fid-dawl tal-pandemija tal-Covid-19. Mill-aħħar Kungress (jew il-Konferenza Ġenerali kif kienet tissejjaħ qabel l-emendi tal-istatut li saru f’Lulju li għadda) ix-xenarju fid-dinja tax-xogħol inbidel drastikament u miegħu ix-xejriet ekonomiċi. Il-politika tas-suq tax-xogħol li kienet imnedija mill-UHM madwar għaxar snin ilu laħqet il-miri tagħha hekk kif il-qgħad niżel għal livelli rekord, u l-parteċipazzjoni tan-nisa marret minn fost l-agħar fl-UE għall-ogħla livelli. Madankollu, hemm sfidi ġodda fuq l-orizzont. Il-ħtieġa li jinstab bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata hi kwistjoni ewlenija peress li aktar u aktar ġenituri li jaħdmu qed jitħabtu biex isibu ħin ta’ kwalità għalihom infushom u għall-familja.
Il-prekarjat hi wkoll sfida ewlenija oħra flimkien ma’ forom ġodda ta’ impjiegi li ma jaqgħux fir-relazzjoni tradizzjonali bejn il-ħaddiema u min iħaddem u b’hekk joħolqu grey areas li fl-aħħar mill-aħħar joħolqu riskji serji ta’ sfruttament. Eżempju ta’ dan huwa l-ekonomija tal-pjattaformi u sa ċertu punt l-insistenza tal-Gvern li juża l-kuntratturi biex joffri servizzi essenzjali.
Kull trade union hi fid-dmir li tieħu kont tas-sitwazzjoni biex tkun tista’ tiffaċċja kwistjonijiet eżistenzjali fost sinjali inkwetanti mhux biss f’Malta iżda wkoll globalment ta’ tnaqqis fis-sħubija fil-unions.
Huwa b’dan il-ħsieb li l-UHM Voice of the Workers se tkun qed tlaqqa’ l-ogħla organu tagħha biex tfassal it-triq ’il quddiem filwaqt li tħares lejn id-diversi kisbiet li saru fl-aħħar sitt snin li jvarjaw minn ftehim kollettiv, każijiet individwali u proposti ta’ policies.
It-33 Kungress Nazzjonali se jfassal il-viżjoni ’il quddiem dwar kif il-pajjiż għandu jirrispondi għall-isfidi f’konformità mal-missjoni tal-union – mill-politika tas-suq tax-xogħol u l-online portal, għall-istudju dwar il-possibbiltà li titnaqqas il-ġimgħa ta’ 40 siegħa xogħol u s-sħubija obbligatorja f’unjin għal ħaddiema bi dħul baxx. Dan kollu jista’ jinġabar fis-slogan li l-UHM għażlet għal dan il-Kungress – leħen il-ħidma… leħen rebbieħ.