Disa’ snin wara l-implimentazzjoni tal-ewwel active labour market policy f’Malta, UHM Voice of the Workers tista’ tħares lura b’sodisfazzjoni peress li din l-inizjattiva kienet essenzjali għat-tkabbir ekonomiku b’saħħtu. Iż-żieda drastika fir-rata tan-nisa li ħarġu jaħdmu, l-introduzzjoni childcare b’xejn u t-tnaqqis tal-qgħad għal-livelli rekord huma wħud mill-indikaturi ewlenin tas-suċċess miksub.

Madankollu, wasal iż-żmien biex isir aġġornament għax l-ebda policy ma hi perfetta minkejja l-intenzjonijiet tajbin kollha warajha. Aspett ta’ tħassib hu l-isfida li qed jiffaċċjaw il-ġenituri li jaħdmu biex ikollhom ftit ħin ta’ kwalità flimkien. Filwaqt li analiżi statistika tax-xejriet attwali tagħti konklużjonijiet pożittivi, il-UĦM Voice of the Workers temmen li l-gvern, dawk li jfasslu l-policies, u l-partijiet direttament interessati għandhom iħarsu minn perspettiva iktar wiesgħa. X’effett ħalla dan kollu fuq il-kwalità tal-ħajja?

Sfortunatament, il-pressjonijiet u l-impenji relatati max-xogħol fuq il-ġenituri li jaħdmu qed jagħmlu tagħhom. Dan qed jimmanifesta ruħu billi x-xogħol tad-dar u l-qadi qed isir kollu fi tmiem il-ġimgħa. B’dan il-pass il-ħarġa tal-Ħadd se tibda ssir mawra sas-supermarket. Iktar inkwetanti hu li fil-verità m’hemmx alternattiva għall-ġenituri –  l-għażla li jaħdmu inqas biex jiddedikaw aktar ħin lill-familja ġġib ir-riskju li ma jlaħħqux mal-ħajja.

L-uniku mod sostenibbli ’l quddiem huwa pjan fit-tul fejn l-objettiv primarju ma jibqax li tiżdied ir-rata tal-impjiegi iżda pagi aħjar. Dan ma jinkisibx billi sempliċiment jogħlew il-pagi iżda permezz ta’ mudell ekonomiku ġdid li mhux ibbażat fuq cheap labour. Huwa biss meta jintlaħaq stadju bħal dan li l-ġenituri jistgħu jaspiraw u jaffordjaw li jaħdmu inqas sigħat fil-ġimgħa.

It-tnedija tal-konsultazzjoni pubblika dwar labour market policy ġdida mill-ministeru tal-finanzi hija opportunità tad-deheb biex tinbidel id-direzzjoni u tibda tiġi indirizzata din il-kwistjoni. Il-UĦM tilqa’ l-enfasi li qed issir fuq il-ħtieġa li l-ħaddiema Maltin itejbu l-ħiliet tagħhom u li jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ żidiet fil-pagi f’setturi ekonomiċi speċifiċi li qed iwassal għad-deterjorament tal-livell tal-għixien.

Madankollu, wasal iż-żmien li l-gvern iwettaq dak li jippriedka. Id-dipendenza fuq cheap labour b’ħaddiema barranin minn pajjiżi terzi qed tagħmel pressjoni ’l isfel fuq is-salarji. Barra minn hekk, l-infiq pubbliku fuq labour market policies sejra mill-ħażin għall-agħar – minn 0.15 fil-mija tal-PGD fl-2010 għal 0.06 fil-mija fl-2015 li jfisser 13-il darba inqas mid-Danimarka. Wasal iż-żmien li niddedikaw aktar riżorsi biex jinstab bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-familja.