Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill laħqu ftehim proviżorju dwar il-Fond Soċjali tal-UE (ESF+) li jikkontribwixxi għall-inklużjoni soċjali, opportunitajiet ta’ xogħol u l-ġlieda kontra l-faqar. L-ESF+ il-ġdid, parti mill-Baġit għall-2021-2027, jammonta għal €87.995 biljun meta maħdum skont il-prezzijiet tal-2018. Il-pass li jmiss hu li l-Parlament u l-Kunsill japprovaw il-ftehim formalment. L-ESF+ il-ġdid jgħaqqad il-Fond Soċjali Ewropew (ESF) eżistenti, l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI), il-Fond għall-Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD) u l-Programm ta’ Impjiegi u Innovazzjoni Soċjali (EaSI).

Appoġġ għaż-żgħażagħ u tfal f’riskju ta’ faqar

Pajjiżi tal-UE fejn in-numru ta’ tfal f’riskju għoli ta’ faqar jaqbeż il-medja tal-UE se jkollhom jonfqu minimu ta’ 5% tar-riżorsi tal-FSE+ fuq azzjonijiet li jikkontribwixxu għal aċċess ugwali tat-tfal għal kura tas-saħħa u edukazzjoni b’xejn, akkomodazzjoni deċenti u nutrizzjoni adegwata. Stati membri oħra għandhom jallokaw ukoll parti mill-fondi tagħhom biex jegħlbu l-faqar tat-tfal.

L-istati membri kollha se jkollhom jindirizzaw il-qgħad fost iż-żgħażagħ fil-programmi ta’ nfiq tagħhom, problema li ġiet aggravata mill-kriżi COVID-19. F’pajjiżi fejn in-numru ta’ żgħażagħ li bħalissa m’għandhomx xogħol, edukazzjoni jew taħriġ (rata NEET) huwa ogħla mill-medja tal-UE, 12.5% ​​tal-fond se jintefaq fuq il-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ. Dawn jistgħu jkunu miżuri bħall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, b’mod partikolari apprendistati, u transizzjoni mill-iskola għax-xogħol.

Ngħinu lil dawk li għandhom l-iktar bżonn

Il-Parlament innegozja baġit għall-ġlieda kontra l-faqar estrem f’kull stat membru. Mill-inqas 3% se jintefqu fuq dawk li l-aktar għandhom bżonnhom permezz ta’ ikel u għajnuna materjali bażika jew billi tiġi indirizzata ċ-ċaħda materjali, li hija definita bħala inkapaċità li tħallas spejjeż mhux mistennija, biex tissaħħan id-dar, ikliet nutrittivi, jew oġġetti li jdumu.

Miżuri oħra miftiehma

  • 25% tal-fondi se jkunu allokati għall-inklużjoni soċjali, inkluża l-integrazzjoni soċjo-ekonomika ta’ gruppi żvantaġġati;
  • Finanzjament adegwat biex jgħinu l-imsieħba soċjali fl-istati membri;
  • Salvagwardji biex jiżguraw li l-proġetti finanzjati mill-flus tal-UE jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali.

Ir-rapporteur David Casa (PPE, MT): “Illum hija ġurnata tajba għall-Ewropa. Qbilna li nappoġġjaw ħaddiema, żgħażagħ, tfal u studenti bi kważi €90 biljun. Kunfidenti li dawn il-flus se jmorru għal dawk li verament għandhom bżonnhom: nies mingħajr xogħol, dawk li jridu jtejbu l-ħiliet tagħhom, tfal fil-faqar, u żgħażagħ li għandhom jingħataw l-opportunitajiet kollha biex jaħdmu, jitħarrġu u jistudjaw. Dan huwa eżempju ċar ta’ kif l-Unjoni Ewropea tħalli impatt konkret u pożittiv fil-ħajja taċ-ċittadini tagħha.”