Azzjoni kontra l-informazzjoni falza
Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat pjan ta’ azzjoni intenzjonata biex trażżan il-firxa ta’ informazzjoni falza madwar l-Ewropa. L-intenzjoni hi biex ikun assigurat li s-sistemi demokratiċi tal-UE u tal-istati membri tagħha jkunu mħarsa b’mod adekwat, fid-dawl tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li se jsiru din is-sena.
Il-pjan ta’ azzjoni jiffoka fuq erba’ oqsma prinċipali, bl-iskop li jkun hemm tisħiħ fil-kooperazzjoni bejn l-UE u l-istati membri tagħha. Jagħti prijorita’ lill-ħtieġa għall-UE biex tkun mgħammra aħjar sabiex tidentifika mumenti ta’ informazzjoni falza, kemm fi ħdan l-istati membri, u l-pajjiżi ġirien tal-UE. Il-pjan ta’ azzjoni wkoll iħares lejn it-twaqqif ta’ Rapid Alert System bejn l-UE u l-Istati Membri. Dan jiffaċilita l-qsim tal-informazzjoni dwar iċ-ċirkolazzjoni tal-informazzjoni falza, u jkunu hemm għajnuna fil-komunikazzjoni tal-valuri u l-policies tal-UE.
Il-pjan ukoll iħares biex jassigura li l-informazzjoni falza ma taffettwax l-elezzjonijiet ta’ din is-sena billi jsaħħaħ l-isforzi sabiex jingħalqu kontijiet foloz fuq l-internet u mill-ewwel jidentifika kampanji ta’ informazzjoni falza, kemm f’sorsi ta’ media tradizzjonali kif ukoll oħrajn fuq l-internet. Finalment, dan il-pjan ta’ azzjoni jħares lejn il-qawmien tal-kuxjenza dwar l-istituzzjonijiet Ewropej u l-għajnuna liċ-ċittadini permezz tal-litteriżmu bil-media. Dan jgħin liċ-ċittadini biex jintebħu meta l-informazzjoni li tkun ippreżentata tkunx falza jew le.