Aktar mill-flus, aktar mill-ewro. Dejjem dwar il-valuri
Wara dak li ġie diskuss bejn il-Mexxejja Ewropej fis-Summit ta’ Gothenburg f’Novembru 2017, il-Kummissjoni Ewropea f’Jannar addottat inizjattiva li tipproponi modi sabiex l-edukazzjoni tkun tista’ tgħin liż-żgħażagħ jifhmu l-importanza li jimxu mal-valuri komuni Ewropej.
Il-valuri komuni huma l-pedament tad-demokraziji nazzjonali Ewropej u huma riflessjoni ta’ x’jagħmlu ċittadini Ewropej. Barra minn hekk, dawn il-valuri ħolqu unjoni li rabtet lill-pajjiżi, komunitajiet u popli flimkien fi proġett politiku uniku, li wassal għall-itwal perijodu ta’ paċi fl-Ewropa.
Il-proposta hi mmirata biex issaħħaħ l-għaqda soċjali u biex tikkontribwixxi fil-ġlieda kontra l-populiżmu, ir-razziżmu, in-nazzjonaliżmu diviżiv u t-tifrix tal-aħbarijiet foloz. Iffokata l-aktar fuq l-edukazzjoni, il-proposta ssaħħaħ l-edukazzjoni inklussiva u tippromwovi edukazzjoni tajba u ta’ kwalita’ għall-istudenti kollha kif ukoll id-dimensjoni Ewropea tat-tagħlim, sabiex it-tfal ukoll jitgħallmu dwar il-wirt komuni Ewropew u d-diversita’ filwaqt li jifhmu aħjar kif tiffunzjona l-Unjoni Ewropea.
Sabiex dawn il-miri jkunu appoġġjati b’mod effettiv, il-Kummissjoni se tieħu passi sabiex iżżid l-iskambji virtwali fl-iskejjel, partikularment il-qafas tal-etwinning, u ssaħħaħ il-mobbilta’ fl-iskejjel permezz tal-programm Erasmus+.