L-apprentistati jagħmlu sens fid-dinja tax-xogħol. Minn impjegati li jippromettu u li qed jiksbu ħiliet  imprezzabbli, sa dawk il-kumpaniji li jħaddmu u li jistgħu jibdew iħarrġu lill-ħaddiema tagħhom fil-ħiliet  tant meħtieġa fil-bidu tal-karriera tagħhom. 

Il-Kummissjoni Ewropea dan l-aħħar ħabbret il-proposta tagħha għal Qafas Ewropew ta’ Apprentistati ta’ Kwalita’ u Effettivi. L-għan tiegħu hu li jżid il-kapaċita’ tal-individwu biex jidħol fis-suq tax-xogħol kif ukoll biex isaħħaħ l-iżvilupp personali tal-apprentisti filwaqt li jikkontribwixxi f’ħaddiema mogħnija bil-ħiliet u kwalifikati li jirrispondu għal-ħtiġiet tas-suq tax-xogħol. 

Apprentistat għandu jkun esperjenza ta’ tagħlim u żvilupp, fejn min ikun qed jitħarreġ jikber fl-għarfien, fil-ħiliet u fil-maturita’ kif ukoll opportunita’ biex wieħed jidra l-ħajja reali hemm barra. Apprentistati jagħtu ċans liż-żgħażagħ biex jiżviluppaw kompetenzi prattiċi fi ħdan l-industrija billi jiksbu l-esperjenza u għarfien aħjar tal-ambjent tax-xogħol. 

Voice of the Workers hi tal-fehma li l-postijiet tax-xogħol għandhom jikkultivaw kultura li jkun hemm persuni ħalli jrawwmu lil ħaddieħor. Sabiex l-apprentistat ikun suċċess, dawk li jħarrġu għandhom ikunu kwalifikati, u jinteressaw ruħhom fit-taħriġ liż-żgħażagħ. Iżda t-taħriġ irid ikun immexxi tajjeb u organizzat b’mod effiċjenti. Hu importanti li l-postijiet tax-xogħol ikollhom objettivi ċari b’responsabbiltajiet reali u dmirijiet speċifiċi għall-apprentisti tagħhom. 

Il-postijiet tax-xogħol għandhom joffru sfida lill-istudenti kollha sabiex jisfruttaw il-potenzjal tagħhom. Dan mhux biss hu importanti sabiex l-apprentisti jikkontribwixxu b’mod pożittiv fl-impjieg  tagħhom, imma wkoll jgħinu sabiex isaħħu l-livell ta’ produttivita’ tal-post tax-xogħol. 

Barra minn hekk, hu wkoll kruċjali li l-postijiet tax-xogħol jikkomunikaw b’mod effettiv mal-apprentisti tagħhom. Min iħaddem għandu jipprovdi kritika kostruttiva matul il-proċess ta’ taħriġ. Malli jikkonkludu  l-programm tagħhom, l-apprentisti għandu jkollhom għarfien tajjeb tas-saħħiet u d-dgħufijiet tagħhom. 

Min-naħa l-oħra, is-suċċess tal-apprentisti wkoll jiddependi fuq ir-rieda u d-dedikazzjoni tagħhom. Għandhom jużaw dan iż-żmien bħala opportunita’ biex jiżviluppaw il-kuntatti  tagħhom għax dan  iservihom għall-karriera tagħhom  fil-futur.