F’konferenza organizzata mill-Kummissjoni Ewropea fi Brussell bejn id-9 u l-10 ta’ Novembru, ġie enfasizzat il-bżonn li jiżdiedu l-isforzi sabiex id-diskriminazzjoni kontra individwi u gruppi ta’ nies minħabba l-eta’ tagħhom (bl-Ingliż Ageism), tkun indirizzata u miġġielda aktar. 

Peter Paul Bonnici, is-Segretarju Internazzjonali tal-Kunsill Nazzjonali tal-Anzjani, kien preżenti għal din il-konferenza, fejn il-Kummissjoni Ewropea tat il-kontribut tagħha fil-kampanja dinjija tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) kontra l-Ageism. 

Ġie rappurtat li persuni ‘l fuq minn 60 sena jammontaw  għal 12 fil-mija tal-popolazzjoni dinjija. Dan il-perċentwal mistenni jikber sa 16.5 fil-mija sal-2030. Persuni anzjani jammontaw għal proporzjon ferm akbar tal-piż dinji dwar il-mard u dwar il-ħtieġa għall-kura tas-saħħa minn gruppi oħrajn ta’ nies.  

Għalkemm il-prattika ta’ politika dwar l-ageism tista’ tkun indirizzata lejn nies ta’ kull eta’, ħafna mir-riċerka f’dan  il-qasam, sal-lum, assoċjat il-fenomenu tal-ageism ma’ adulti ikbar fl-eta’. Kien ukoll irrimarkat li l-ageism hu settur diffiċli li jinkludi manifestazzjonijiet emozzjonali u ta’ imġieba. 

Il-Prof. Alana Officer,  rappreżentanta tal-WHO, qalet  fost oħrajn li l-mira fil-kampanja dinjija tal-organizzazzjoni hi li jkun hemm bidla fil-mod kif lkoll kemm aħna naħsbu, inħossu u naġixxu dwar l-eta’ u l-anzjanita’. Minn studju li sar mill-WHO irriżulta, fost oħrajn, li 75 fil-mija minn 32 pajjiż għaddew liġijiet kontra diskriminazzjoni bażata fuq l-eta’ u konsegwentament infurzaw numru ta’ mekkaniżmi. 

Il-Prof. Ayalon Liat, mill-Universita’ Bar Llan fl-Iżrael, stqarr li attitudnijiet lejn l-anzjanita’ mhumiex  biss ta’ periklu f’dak li għandu x’jaqsam ma’ rapporti ta’ diskriminazzjoni fl-eta’, imma wkoll jistgħu jaffettwaw il-ħarsien ta’ adulti kbar fl-eta’. 

Il-Kummissjoni Ewropea tisħaq li l-ageism ixekkel l-abbilta’ tal-anzjani milli jagħmlu affarijiet għal qalbhom u li jaspiraw għalihom. Skont il-WHO, l-ageism hi mifruxa madwar  id-dinja u tibqa’ rikonoxxuta fis-soċjeta’ l-aktar peress li hi aċċettata soċjalment u stabbilita fl-istituzzjonijiet. 

Diversi kelliema mir-Renju Unit, mill-Olanda, mis-Slovenja,  mill-Iżvezja, minn Ċipru u minn Malta, qablu li għandu jikber l-għarfien dwar il-kwistjoni li ageism għandu jkun indirizzat sabiex l-isterjotipi jkunu eliminati. 

Peter Paul Bonnici, ir-rappreżentant minn Malta, saħaq dwar il-bżonn li mill-istadju bikri fil-kurrikulu edukattiv, qabel ma wieħed jilħaq l-eta’ tal-adoloxxenza, ikun hemm għarfien dwar il-problema tad-diskriminazzjoni kontra persuni minħabba l-eta’ tagħhom. Peter Paul Bonnici stqarr li l-introduzzjoni ta’ dan  is-suġġett jeħtieġ  status mandatorju għall-istati membri kollha. Din il-proposta kienet innotata minn AGE-Platform – il-vuċi tal-anzjani  fuq livell Ewropew.