Dan huwa wieħed mill-filmati li produċejna flimkien mal-Bank Ċentrali ta’ Malta fis-serje tal-ibbaġitjar tagħna.

Niżżel il-video maħruġ mill-Bank Ċentrali ta’ Malta, flimkien ma’ ĠEMMA, li jismu ‘Ibbaġitja għall-btala’ billi tagħfas hawn.

Ippermettuli nintroduċi lil familja ta’ ĠEMMA.  Jiena Tony. Jien ir-raġel ta’ Maria.  Jiena naħdem bħala manager f’negozju kbir fl-industrija tas-servizzi.  Marti, Maria, għandha 40 sena u taħdem fin-negozju tal-familja ta’ missieri.  Għandna żewġt itfal:  Matthias, it-tifel tagħna li għandu 11-il sena, u li bħalissa jinsab fl-iskola sekondarja, u Angele, bintna li għandha 17-il sena u li qed tlesti l-fażi tal-iskola sekondarja għolja matul din is-sena skolastika.

Issa li l-familja kollha tlaqqmet kontra l-COVID-19, dan il-Milied se nsiefru (għandna bżonnha wara li konna maqfulin għal daqshekk żmien!) u mmorru x’imkien sabiħ fejn nistgħu nirrilassaw filwaqt li nieħdu pjaċir flimkien.

M’hemmx xi tgħid, fil-bidu tal-COVID il-fatt li konna qed inkunu flimkien bħala familja għenitna ningħaqdu aktar ma’ xulxin.

Niżżel it-Travel Budget Planner ta’ ĠEMMA billi tagħfas hawn.

Però, ħa ngħidlek – fl-aħħar xhur l-atmosfera tad-dar bdiet tiggrava xi ftit hekk kif bdejna kważi naqgħu f’saqajn xulxin.  Vera li rnexxielna nġemmgħu waqt il-COVID-19. X’ma ġġemmgħax!  Ma morna mkien!  Però ma’ jfissirx li għax ġemmgħajna somma ġmielha issa se nberbquha.

Qed nippjanaw għal btala low cost.  Maria u Angele il-ħin kollu fuq l-internet ifittxu l-irħas btala, l-irħas biljetti tal-ajru, u l-irħas akkommodazzjoni possibbli.  Qed infittxu pajjiż għal btala li għandu l-ewro bħala l-munita’ prinċipali.  B’hekk ma’ neħlux xeba’ spejjeż żejda biex naqilbu l-Ewros tagħna għal dollari jew sterlina, b’xi rata tal-kambju li tkun kontrina.  Hekk ukoll ma nispiċċawx ninqabdu b’xi rata tar-roaming charges tal-mobile – u nsib xi kont li jwerwrek meta niġu lura Malta.

Taħsibx li se noqogħdu ġo xi lukanda.  Qed infittxu xi appartament irħis viċin iċ-ċentru.  Ngħiduha kif inhi, aħna sejrin btala mhux biex inqattgħu l-ħin kollu ġewwa, u għalhekk m’għandniex għalfejn noqgħodu ġo xi lukanda ta’ erba’ jew ħames stilel.  Dan l-aħħar kont fuq il-websajt ta’ ĠEMMA – u ġie f’idejja l-ktieb żgħir iswed ta’ ĠEMMA fuq frodi u scams.  Waħda mill-iscams li tkellmet fuqhom ĠEMMA hi proprju dik li għandha x’taqsam ma’ booking ta’ btala – partikularment online.  Ħadt nota sew tal-pariri kollha li toffri ĠEMMA dwar kif tipproteġi lilek innifsek minn scams tal-ivvjaġġar, filwaqt li infurmajt bihom lil Mary u lil Angele li kienu qed ifittxu online għal appartament.

Niżżel l-infografika ta’ ĠEMMA, dwar kif għandek tipproteġi lilek innifsek minn scams li għandhom x’jaqsmu mal-ivvjaġġar billi tagħfas hawn.

Nistennew bil-ħerqa li nisimgħu mingħandek. Aħna bħala ĠEMMA ninkoraġġuk sabiex taqsam din il-link jew dan il-filmat mal-ħbieb tiegħek jew pubblikament fuq il-paġna tiegħek ta’ Facebook.

Żur il-paġna ta’ ĠEMMA fuq Facebook u agħmlilna like!