Nagħtu iżjed valur lid-dimensjoni soċjali tal-UE
Id-dokument għar-riflessjoni dwar id-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ewropea, wieħed minn ħames dokumenti wara l-White Paper dwar il-Futur tal-Ewropa, hu l-kontribut tal-Kummissjoni Ewropea għal dibattitu dwar iż-żewġ kwistjonijiet prinċipali fil-qasam soċjali u dak tax-xogħol: l-isfidi ewlenin li l-istati membri qed jiffaċċjaw u l-valur miżjud tad-diversi strumenti Ewropej disponibbli biex jindirizzawhom.
Il-kliem ‘dimensjoni soċjali’ u ‘Ewropa soċjali’ huma interpretati f’diversi modi madwar l-Unjoni Ewropea u ħafna mill-kompetenza li żviluppat f’dawn l-aħħar 60 sena sabiex timplimenta l-policies, baqgħet mal-istati membri. F’dan il-kuntest il-Kummissjoni qed tipproponi tliet xenarji alternattivi: enfasi esklussiva fuq il-moviment ħieles tal-ħaddiema, l-iżvilupp ta’ Unjoni Ewropea fejn diversi partijiet minnha għandhom jintegraw f’livelli u passi differenti skont il-qagħda politika f’kull pajjiż individwali, kif ukoll tisħiħ ġenwin ta’ unjoni ekonomika u monetarja madwar is-27 stat membru tal-UE.
Il-Pilastru Ewropew tad-drittijiet soċjali, li jimmira biex isaħħaħ l-acquis soċjali tal-istati membri tal-UE, hu wkoll aspett importanti relatat mal-isforzi tal-UE sabiex l-enfasi primarja ddur lejn iċ-ċittadini.
L-implimentazzjoni b’suċċess tal-Pilastru Ewropew tad-drittijiet soċjali, u inizjattivi relatati oħrajn, jiddependu ħafna fuq ir-riżultat ta’ dan il-proċess ta’ riflessjoni.
Intant, il-MEUSAC qed torganizza serje ta’ avvenimenti sabiex jinstigaw aktar dibattitu f’Malta dwar il-futur tal-Ewropa.