L-Ewro Parlamentari qed jistabbilixxu li l-budget tal-UE għall-2018 ikun ta’ €162.6 biljun (żieda ta’ 1.2 fil-mija fuq l-abbozz ta’ budget  tal-Kummissjoni) għal impenji u €146.7 biljun (żieda ta’ 0.9 fil-mija) għall-ħlasijiet. 

Fir-resoluzzjoni  tagħhom  dwar il-budget, l-Ewro Parlamentari jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom “biex jiffinanzjaw il-policies tal-Unjoni li  jsaħħu l-impjiegi u t-tkabbir fir-reġjuni kollha tagħha permezz ta’ investimenti fir-riċerka, fl-edukazzjoni, fl-infrastruttura, l-SMEs u x-xogħol, partikularment fost  iż-żgħażagħ.” Dawn madankollu jisħqu li “mhumiex qed jifhmu kif l-Unjoni tista’ tikseb progress f’dawn l-oqsma meta  wieħed jikkunsidra t-tnaqqis propost mill-Kunsill.” 

Ir-resoluzzjoni dwar il-pożizzjoni tal-Parlament fuq il-budget tal-UE għall-2018 kienet approvata b’414 vot  favur għal 163 vot kontra, b’90 astensjoni. 

L-Ewro Parlamentari żiedu l-Inizjattiva dwar  ix-Xogħol għaż-Żgħażagħ  bi €366.7 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ impenn, u li ttella’ it-total sa €600 miljun, sabiex żgħażagħ li qed ifittxu  x-xogħol jiġu megħjuna. 

L-Ewro Parlamentari rrifjutaw “tnaqqis mhux ġustifikat ta’ €750 miljun” tal-Kunsill fil-qasam “tat-tkabbir u l-impjiegi”, u avżaw li tali tnaqqis “jagħmel ħsara lil programmi b’valur miżjud Ewropew reali u impatt  dirett fuq  il-ħolqien  tax-xogħol u t-tkabbir, bħalma  hu Horizon 2020 jew il-faċilita’ Connecting  Europe.” 

Għalhekk  huma ddeċidew li jinfurzaw mill-ġdid,minbarra l-proposta dwar il-Budget tal-Kummissjoni, “dawk il-programmi prinċipali sabiex isaħħu it-tkabbir u l-impjiegi u li jirriflettu l-prijoritajiet tal-Unjoni, fosthom Erasmus +, Horizon 2020, Cosme u EaSI. 

Għall-Parlament “il-migrazzjoni u s-sigurta’ jibqgħu prijorita’ kbira għall-Unjoni,”isostnu  l-Ewro Parlamentari, u żiedu li l-fondi disponibbli wrew “li kienu insuffiċjenti ħafna sabiex jiffinanzjaw b’mod adekwat id-dimensjoni interna ta’ dawn l-isfidi.”