Is-sostenibbilta’ tal-pensjonijiet trid tkun indirizzata permezz ta’ policies li jħarsu fit-tul
Is-sostenibbilta’ tal-pensjonijiet u soluzzjonijiet adekwati għalihom, bħall-introduzzjoni ta’ bonds tal-gvern li jimmaturaw wara l-irtirar mix-xogħol, kienu ideat interessanti li tqajmu matul seminar dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali li kien organizzat minn UĦM Voice of the Workers, b’kollaborazzjoni maċ-Ċentru Ewropew għall-Mistoqsijiet tal-Ħaddiema (EZA). L-avveniment, li sar fuq jumejn, ittella’ fil-Lukanda Cavalieri, San Ġiljan bejn il-Ħamis 23 u l-Ġimgħa 24 ta’ Novembru 2017.
Fil-bidu tal-ewwel sessjoni, li tmexxiet minn Gabriel Schembri, ġurnalist ma’ The Malta Independent, ir-Rev. Prof. Emmanuel Agius, id-Dekan tal-Fakulta’ tat-Teoloġija fl-Universita’ ta’ Malta, stqarr li l-Knisja tilqa’ l-inizjattiva tal-Unjoni Ewropea bħala impenn imġedded sabiex tippromwovi ordni soċjali li tassigura ekonomija li sservi lin-nies u li tnaqqas il-faqar. Il-Kummissjoni tal-Konferenza tal-Isqfijiet tal-UE stqarret li, jekk tkun implimentata tajjeb, din l-inizjattiva tista’ issaħħaħ ħajjet in-nies, issaħħaħ id-drittijiet soċjali taż-ċittadin u għalhekk id-dinjita’ ta’ kull ċittadin.
Ir-Rev. Agius, li hu wkoll Membru tal-Grupp Ewropew tal-Etika fix-Xjenza u Teknoloġiji Ġodda fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea, qal li fi żmien ta’ irkupru minn kriżi ekonomika u finanzjarja u bidliet li ostakolaw fis-suq tax-xogħol, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, bħala ftehim bejn l-UE, l-istati membri u l-imsieħba soċjali, jista’ jikkontribwixxi sabiex ireġġa’ il-fiduċja taċ-ċittadin f’Ewropa aktar inklussiva u ġusta.
Hu saħaq li l-edukazzjoni hi l-mutur wara l-konverġenza soċjali. L-edukazzjoni għandha tippromwovi l-iżvilupp integrali tan-nies, il-ħiliet, it-tagħlim ta’ matul il-ħajja u l-aċċess għal benefiċċji soċjali u servizzi integrati. It-taħriġ u t-tagħlim ta’ matul il-ħajja huma essenzjali minħabba r-revoluzzjoni diġitali.
Oliver Rӧpke, membru tal-Grupp tal-Ħaddiema fi ħdan il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (EESC), fisser l-istorja tal-Pilastru Soċjali u stqarr li l-EESC saħaq mill-bidu li l-Pilastru hu utli sabiex isiru r-riformi soċjali meħtieġa. Oliver Rӧpke saħaq dwar l-importanza tal-20 prinċipju li jinsabu fil-Pilastru u saħaq li dan għandu jservi ta’ gwida għall-konverġenza soċjali.
Hu qal li min iħaddem hu kontra l-pilastru soċjali u ssuġġerixxa li għandu jkun hemm implimentazzjoni aħjar tar-regolamenti eżistenti.
Oliver Rӧpke qal li Pilastru tad-Drittijiet Soċjali hu l-ewwel pass għal Ewropa soċjali u issa hu ż-żmien opportun biex ikun enfasizzat il-prinċipju ta’ “paga ugwali għal xogħol tal-istess valur”.
Fil-qosor, Oliver Rӧpke qal li l-proklamazzjoni tal-Pilastru Soċjali għandu jmur lil hinn u issa l-EESC qed tistenna li dan iwitti t-triq għal pjan ta’ azzjoni aħjar. L-Unjoni Ewropea m’għandhiex biss tkun bażata fuq l-Erba’ Libertajiet iżda d-drittijiet soċjali għandhom ikunu msaħħa. “Id-Drittijiet Soċjali Fundamentali għandhom ikunu prijorita’.”
L-Ewro Parlamentari Nazzjonalista David Casa qal li l-Pilastru Soċjali hu impenn politiku b’saħħtu. Se jagħmilha ta’ gwida soċjali għall-istati membri u għall-istituzzjonijiet Ewropej. Hu gwida, kumpass għal-leġislazzjoni tal-ġejjieni, li jippermetti lill-Ewropa u lill-istati membri sabiex jarmonizzaw il-politika soċjali tagħhom.
David Casa qal li l-Pilastru Soċjali jagħmel lill-Ewropa soċjali lura fejn kienet: fuq nett tal-aġenda Ewropea. Hu stqarr li l-ikbar arma kontra l-Ewro-xettiċiżmu hi li turi liċ-ċittadini Ewropej li l-Ewropa hi verament forza ta’ protezzjoni – protezzjoni soċjali.
Hu kompla li d-djalogu soċjali jilgħab parti ċentrali fit-tisħiħ tad-drittijiet soċjali kif ukoll fit-tisħiħ tat-tkabbir sostenibbli u inklussiv. Hemm diversi prattiċi fid-djalogu soċjali, ftehim fin-negozjar kollettiv u sistemi dwar is-salarji matul id-diversi stati membri. David Casa żied li l-imsieħba soċjali għandhom irwol prinċipali fl-ekonomija tas-suq soċjali li timmira biex twassal prestazzjoni ekonomika u ġustizzja soċjali.
Fid-diskors tiegħu, il-Prof. Andrew Azzopardi, id-Dekan tal-Fakulta’ għall-Ħarsien Soċjali fl-Universita’ ta’ Malta, stqarr li s-suċċess fl-edukazzjoni hu kalkulat biż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol. L-edukazzjoni, it-taħriġ u x-xogħol għandhom ikunu inklużi fil-policies tax-xogħol. Hu qal li filwaqt li l-edukazzjoni u t-taħriġ huma l-muturi għar-rati tal-impjiegi, strateġija sostenibbli dwar ix-xogħol għandha tkopri azzjonijiet strateġiċi.
Il-Prof. Azzopardi qal li sabiex ikunu indirizzati diskrepanzi edukattivi wieħed irid jagħti kas l-esiġenzi tas-suq tax-xogħol u jiffoka fuq il-ħiliet essenzjali. Is-soċjeta’ għandha rwol kruċjali biex tinkoraġġixxi lill-individwi biex jinfiltraw industriji partikulari. Prof. Azzopardi saħaq li s-servizzi edukattivi għandhom ikunu disinjati biex jinkorporaw lil kulħadd.
Dr. Anna Borg, id-Direttur taċ-Ċentru għall-Istudji dwar ix-Xogħol fl-Universita’ ta’ Malta, qalet issa hu żmien opportun sabiex il-unions joħolqu Ewropa aktar soċjali, aktar umana u aktar ġusta.
Hi tiddeskrivi id-diskrepanza fis-salarji tal-ħaddiema rġiel u nisa bħala d-differenza fil-pagi bejn nisa u rġiel li għandhom l-istess edukazzjoni, taħriġ, esperjenza u professjoni. F’ħafna mill-każijiet, in-nisa huma mħallsa inqas mill-irġiel meta dawn il-fatturi jkunu mqabbla. Dr. Borg temmen li l-unions huma kruċjali sabiex jikkontrollaw id-diskrepanza fil-pagi.
Skont Dr. Borg, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali m’għandux jitħalla jiffunzjona waħdu imma jrid ikun xprunat u imbuttat mill-istituzzjonijiet tal-UE u mill-unions.
Is-sessjoni tal-Ħamis 23 ta’ Novembru ntemmet bi preżentazzjoni minn Ambra Cristaldi minn ICON, li flimkien mal-kollegi tagħha, qed tassisti lil UĦM Voice of the Workers fi proġett ambizzjuż sabiex il-kuntratti tax-xogħol ikunu online – inizjattiva biex ix-xogħol prekarju jkun indirizzat.
It-tieni jum tas-seminar beda b’diskussjoni dwar kif il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jista’ jikkontribwixxi għal iżjed drittijiet u ħarsien aħjar. Enfasi partikulari ngħatat lill-kwistjoni tal-pensjonijiet.
Dr. Philip von Brockdorff, konsulent tal-UĦM Voice of the Workers u rappreżentant tal-union fil-EESC, qal li għandu jkun hemm aktar sforzi sabiex il-pensjonijiet tat-tieni pilastru jkunu introdotti. Hu stqarr li l-Gvern qed jibgħat messaġġi mħallta għax filwaqt li minn naħa fil-Budget wera appoġġ għal pensjonijiet tax-xogħol, kien hemm mumenti meta kien qed jistqarr li għandhom ikunu mandatorji. “Nistgħu nintroduċu l-pensjonijiet tat-tieni pilastru b’mod volontarju permezz tan-negozjar kollettiv għax dan jibda jipperswadi lill-ħaddiema u lil min iħaddem dwar il-benefiċċji ta’ tali skemi,”sostna Dr. von Brockdorff.
David Spiteri Gingell, konsulent dwar il-pensjonijiet, stqarr li l-pensions’ strategy group tal-2015, li hu kien għamel parti minnu, kien irrakkomanda li ssir diskussjoni dwar “pensjonijiet awtomatiċi”. Hu fisser li s-sistema hi bażata fuq il-kunċett li individwi li jidħlu fis-suq tax-xogħol jiddaħħlu awtomatikament f’pensjoni privata tax-xogħol, bil-possibbilta’ li jistgħu joħorġu minnha.
Therese Comodini Cachia, ix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, qalet li s-sostenibbilta’ tal-pensjonijiet ma tridx tkun indirizzata waħidha, imma tagħmel parti minn kwistjoni aktar wiesgħa. Hi qalet li għandu jkun hemm policies li jitfasslu fit-tul milli inizjattivi maħluqin għal żmien l-elezzjoni ġenerali. Hi żiedet li l-pensjonijiet tat-tieni pilastru jinsabu fuq l-aġenda, partikularment wara l-pożizzjoni tal-Gvern li tgħid li l-introduzzjoni tagħhom f’dan l-istadju jistgħu jagħmlu ħsara lill-kompetittivita’ tal-pajjiż.
Evarist Bartolo, il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, qal li l-kwistjoni tal-pensjonijiet trid tkun indirizzata b’moħħ miftuħ u b’ċertu flessibbilta’. Hu qal li rridu nħarsu lil hinn minn kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ kontribuzzjonijiet tas-sigurta’ soċjali bħal policies li għandhom x’jaqsmu mad-demografija u l-immigrazzjoni. Il-Ministru Bartolo issuġġerixxa li l-unions u min iħaddem fis-settur pubbliku u dak fil-privat jibdew jikkunsidraw il-ħruġ ta’ bonds tal-gvern li jimmaturaw fl-eta’ pensjonabbli.
Sussegwentament, matul l-ewwel parti tat-tieni sessjoni li tmexxiet minn Keith Micallef, ġurnalist tat-Times of Malta, l-Ewro Parlamentari Laburista u eks Prim Ministru ta’ Malta Alfred Sant għamel diskors dwar l-iżvilupp tal-Politika Soċjali Ewropea. Hu stqarr, fost oħrajn, li l-istrateġiji li ttieħdu fid-Disgħinijiet qed jillimitaw b’mod drastiku l-iskop għal avvanzi fuq il-front soċjali u dan fid-dawl ta’ irtirati sinifikattivi li saru sa mill-2008.
Hu qal li fiċ-ċirkustanzi tal-mument, jeħtieġ li jkun hemm konsolidament. Id-diverġenzi bejn pajjiż fit-tramuntana u fin-nofsinhar, bejn il-lvant u l-punent u fiċ-ċentru tal-Ewropa, għandhom ikunu trattati permezz ta’ programm politiku li ma jiddependix biss fuq mekkaniżmi ħielsa tax-xogħol. L-istess japplika għad-diverġenzi soċjali fi ħdan l-istati membri, bejn individwi li jgawdu l-benefiċċji ta’ impjieg stabbli u mħallas tajjeb, u dawk li jaħdmu għal inqas paga u/jew iridu jaċċettaw kundizzjonijiet prekarji ta’ xogħol. Hu żied li hemm rikonoxximent ġenwin li l-proġett Ewropew irid jagħti aktar ħajja lill-mudell soċjali. Dan iseħħ biss wara li verament ikunu indirizzati d-diskrepanżi u l-kontradizzjonijiet li huma r-riżultat tat-tkabbir u t-twessigħ tal-Unjoni Ewropea matul dawn l-aħħar 20 sena.
Il-Prof. Josef Pacolet, mill-Grupp ta’ Riċerka dwar il-Politika Soċjali u Ekonomika kif ukoll l-Inklużjoni Soċjali, tkellem dwar l-importanza tal-Pilastru tad-Drittijiet Soċjali llum u fil-ġejjieni. Hu ta ħarsa dwar l-istorja tal-politika soċjali li tmur lura sa mit-twaqqif tal-Komunita’ Ewropea.
Is-seminar intemm b’eżerċizzju fit-team-building immexxi minn Michael Fenech u Ann Fenech minn Ideas Alive.