Minkejja l-avvanzi f’diversi setturi li saru fil-pajjiż matul is-snin, jidher iżda li s-soċjeta’ Maltija qed tonqos mill-fibra morali. Kemm qed issir ħidma biex il-fibra morali verament tikber u biex il-valuri soċjali bħall-ġustizzja, l-onesta’ u s-solidarjeta’ jissaħħu? 

Meta l-fibra morali tiddgħajjefis-soċjeta’ tmur lura anki mil-lat finanzjarju. Jekk nevalwaw dak li seħħ f’dawn l-aħħar snin, nintebħu li kien hemm numru ta’ individwi mill-popolazzjoni Maltija li warrbu l-kuxjenza morali. Nisimgħu b’diversi każijiet ta’ serq, frodi u qerq. Żdiedu każijiet dwar evażjoni tat-taxxa u nħolqu l-inġustizzji. 

X’qed isir ma’ min spiċċa fil-faqar? X’għajnuna qed tingħata lil min m’għandux saqaf fuq rasu? Min iħaddem qed jimxi mal-liġi meta jiġi biex jimpjega l-ħaddiema? Qed jagħti salarji diċenti jew qed jiġi jaqa’ u jqum u jħallas bil-karawett? U xi ngħidu dwar in-negozjanti u l-ispekulaturi tal-artijiet? Qed jaġixxu bis-sewwa jew qed jagħmew bil-flus li qed jiġġeneraw? Kif qed inħarsu lejn min qed ifittex l-ażil? Dawn huma xi mistoqsijiet li wieħed għandu jikkunsidra. 

Il-fibra morali għandha tiġi mgħallma fl-iskejjel ħalli l-istudenti jidraw, mindu jkunu żgħar, li biex jaslu x’imkien iridu jaħdmu għall-għan personali tagħhom. Imma l-fibra morali m’għandhiex tiddakkar biss mill-ġenerazzjoni żagħżugħa. Anzi, l-adulti jridu jagħrfu dejjem iżjed dwar l-importanza tal-ġustizzja soċjali. Il-media soċjali, li tant hija wżata bħalissa, għandha tkun strument kruċjali biex jitwassal dan il-messaġġ. 

Is-soċjeta’ b’mod ġenerali għandha tkun responsabbli u tieħu l-inizjattivi meħtieġa biex il-fibra morali u l-ġustizzja soċjali ma jibqgħux jiġu mkasbra. Jekk ngħidu li aħna nsara rridu nitqanqlu biex nagħmlu eżami tal-kuxjenza u nistaqsu lilna nfusna jekk aħniex ngħixu fit-triq tas-sewwa.  Irridu nistaqsu wkoll jekk aħniex nirrispettaw  lill-bniedem irrispettivament mill-qagħda soċjali, razza u reliġjon. 

Barra minn hekk ejja noqogħdu attenti għax jekk il-ħajja tal-bniedem tkun nieqsa mir-rispett f’xi stadju mill-iżvilupp tiegħu, hemm ċans li l-fibra morali ta’ Malta tkun f’riskju.