L-Ewwel ta’ Mejju 2019 jaħbat il-15-il anniversarju mis-sħubija ta’ Malta fl-UE. Ma jonqosx li matul dan iż-żmien, is-sħubija fl-UE b’mod viżibbli u tanġibbli bidlet lil Malta f’diversi modi, inkluż fis-settur tax-xogħol. 

F’tentattiv biex tinvesti fl-edukazzjoni, fis-sistemi tat-taħriġ u fil-ħiliet tal-ħaddiema biex jintlaħqu l-ħtiġiet dejjem jinbidlu fis-suq tax-xogħol, Malta bbenefikat minn diversi opportunitajiet ta’ fondi Ewropej bħal il-Fond Soċjali Ewropew. 

Barra minn hekk, permezz ta’ laqgħat li jkollhom ta’ kuljum ma’ ministri u uffiċjali oħrajn mill-istati membri tal-UE, rappreżentanti mill-Gvern Malti għenu biex ħolqu u implimentaw diversi liġijiet tax-xogħol li jduru madwar żewġ aspetti: il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-laqgħat u l-konsultazzjonijiet mal-ħaddiema. Dawn ir-regolamenti u d-direttivi sawwru x-xenarju preżenti fis-suq tax-xogħol lokali u Ewropew. 

Addizzjonalment, Malta appoġġjat u għadha tappoġġja inizjattivi bħall-Istrateġija Ewropa 2020 u  l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ilkoll immirati biex isaħħu l-impjegabbilta’, ir-rati tal-impjieg u s-sigurta’ fix-xogħol. 

Filwaqt li jirrifletti fuq il-parteċipazzjoni ta’ Malta fil-qasam tax-xogħol fi ħdan il-kuntest tal-15-il anniversarju, wieħed irid ukoll iħares lejn  il-futur sabiex jibqa’ jassigura li l-aċċess għas-suq tax-xogħol ikun miftuħ għal kulħadd u sigur għaċ-ċittadini Maltin u Ewropej.