Aktar kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti
Il-Kummissjoni Ewropea dan l-aħħar addottat Proposta għal Direttiva li hi mmirata sabiex timmodernizza obbligi eżistenti ħalli tinforma kull ħaddiem dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tiegħu jew tagħha. L-addozzjoni ta’ din il-proposta ġiet wara li kien hemm il-ħtieġa sabiex ir-regolamenti eżistenti jkunu modernizzati, partikularment Direttiva 91/533/EEC, u tassigura li l-leġislazzjoni eżistenti tista’ tindirizza r-realtajiet tas-suq tax-xogħol li qed jinbidlu.
Barra minn hekk, il-proposta toħloq livelli minimi ġodda sabiex tassigura li l-ħaddiema kollha, (inkluż dawk fuq kuntratti atipiċi, jiġifieri, kuntratti ta’ xogħol li m’humiex konformi ma’ kuntratt standard, miftuħ u full-time), jibbenefikaw minn aktar prevedibbilta’ u ċarezza f’dak li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.
Il-Kummissjoni tistma li bejn żewġ miljuni u tliet miljun ħaddiem addizzjonali fuq kuntratti atipiċi se jkunu koperti u protetti mill-proposta meta mqabbla mal-leġislazzjoni eżistenti. Fl-istess ħin, il-proposta wkoll tqiegħed il-miżuri f’posthom sabiex ikun evitat il-piż amministrattiv fuq min iħaddem, per eżempju billi tagħtihom il-possibbilta’ li tipprovdi t-tagħrif mitlub b’mod elettroniku. Ir-regolamenti l-ġodda wkoll se joħolqu ambjent ekwu għall-kumpaniji, ħalli min iħaddem jibbenefika minn kompetizzjoni iżjed ġusta fis-suq intern, b’inqas diskrepanzi.
Il-proposta hi parti minn pjan li jsegwi l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.