Il-MPE jopponu ‘kompetizzjonijiet separati’ u jappellaw għal sport ibbażat fuq il-valuri tal-UE
L-UE għandha tinvolvi ruħha aktar fl-isport biex tinkoraġġixxi mudell aktar ġust skont il-valuri tagħha tal-inklussività u l-ġustizzja. F’rapport adottat mill-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni b’29 vot favur, wieħed kontra u astensjoni waħda, il-MPE jridu li l-UE tifforma l-kultura sportiva Ewropea skont il-valuri tas-solidarjetà, sostenibbiltà, inklussività, kompetizzjoni miftuħa u ġustizzja. Il-MPE jesprimu oppożizzjoni qawwija għal “kompetizzjonijiet separati li jimminaw dawn l-istandards u jipperikolaw l-istabbiltà tal-ekosistema sportiva ġenerali”.
Rispett tal-valuri fl-isports
Il-MPE qed jitolbu li jintlaħaq bilanċ bejn l-interessi kummerċjali tal-isport professjonali mal-funzjonijiet soċjali tiegħu. Dan jinkiseb billi jissaħħu r-rabtiet bejn il-livell tal-bażi u l-isport tal-elite. Pereżempju, il-federazzjonijiet sportivi għandhom jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ solidarjetà biex iwasslu l-fondi sal-livell tad-dilettanti. Il-MPE jridu wkoll jindirizzaw l-inugwaljanza bejn is-sessi fl-isports, b’mod partikolari fejn jidħlu l-pagi u r-rappreżentanza ugwali fil-bordijiet tal-organizzazzjonijiet sportivi u jridu li l-mezzi tax-xandir Ewropej jiżgura rappurtaġġ aktar ugwali tal-avvenimenti sportivi tal-irġiel u tan-nisa.
Pajjiżi li l-gvernijiet tagħhom ripetutament jiksru d-drittijiet u l-valuri fundamentali m’għandhomx ikunu jistgħu jibqgħu jospitaw avvenimenti sportivi kbar. L-Istati Membri u l-federazzjonijiet sportivi għandhom iqisu wkoll id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija meta jagħżlu l-isponsors għal avvenimenti sportivi.
Fir-rapport adottat, il-MPE jirrakkomandaw ukoll:
- iħarsu t-tfal mill-abbuż u l-fastidju fl-isport inkluż billi jipprovdu pariri u protezzjoni fil-livelli tal-UE u nazzjonali;
- aktar trasparenza fis-swieq tat-trasferiment tal-plejers permezz ta’ qafas tal-UE għat-trasferimenti tal-plejers li jinkludi standards tas-suq tax-xogħol tal-UE u regolamenti finanzjarji;
- l-użu tar-regola ta’ “50+1” tas-sidien tal-klabbs tal-futbol Ġermaniż (investituri privati jitħallew ikollhom biss sa 49% tal-ishma) bħala l-aħjar prattika għal pajjiżi oħra;
- il-federazzjonijiet nazzjonali tal-isports għandhom iqabblu l-pagamenti għall-atleti nisa u rġiel, fuq l-eżempju tal-Assoċjazzjoni tal-Futbol tal-Irlanda;
- il-promozzjoni ta’ stil ta’ ħajja attiv għaċ-ċittadini tal-UE permezz tal-użu ta’ mudelli u ambaxxaturi tal-isport, u billi jiżdied in-numru ta’ sigħat allokati għall-edukazzjoni fiżika u attivitajiet fl-iskejjel;
- tiżdied il-viżibbiltà fil-media tal-kompetizzjonijiet li jinvolvu atleti b’diżabilità;
- l-użu tal-isport elite biex titqajjem kuxjenza dwar kwistjonijiet li jiffaċċjaw in-nies LGTBQI+;
- iż-żieda tal-isport mat-titlu tal-portafoll tal-Kummissarju responsabbli;
- tingħata attenzjoni għall-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tal-kostruzzjoni involuti fil-bini ta’ infrastruttura sportiva;
- tiżdied il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati mid-dinja tal-isport fil-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa.
Il-Parlament se jivvota dwar ir-rapport matul is-sessjoni plenarja ta’ Novembru fi Strasburgu bejn it-22 u l-25 ta’ Novembru.