Miċ-Champions League għar-relegazzjoni
Għall-ewwel darba, Malta m’għadhiex meqjusa bħala pajjiż attraenti għall-investiment barrani. Din il-konklużjoni ħarġet mill-Istħarriġ dwar tal-EY tal-2021 li ilu jsir għal kważi 20 sena.
Jirriżulta li 46% tal-investituri barranin intervistati qed jqisu li Malta mhix attraenti għall-investiment dirett barrani filwaqt li 37% biss għandhom opinjoni favorevoli. Sentejn ilu, dan ix-xenarju ħadd ma kien jimmaġinah peress li 77% kellhom opinjoni favorevoli kontra 15%. F’termini sportivi dan jista’ jkun paragunat ma’ tim li f’temp ta’ żewġ staġuni filli kien jikkompeti fiċ-Champions League u issa qed jiġġieled biex ma jkunx relegat. Ir-rapport jgħid bla tlaqliq li dan seħħ fil-biċċa l-kbira minħabba li Malta tinsab fil-lista l-griża tal-FATF.
It-triq biex tissewwa r-reputazzjoni tal-pajjiż tibda billi ma tibqax issewgi politika li tħares biss lejn l-immedjat u x’se nakkwista issa, iżda nimxu lejn qafas, leġiżlazzjoni u infurzar li jkunu future-proof (dan m’għandux ikun biss slogan). Jeħtieġ ukoll li Malta tfittex mudell ekonomiku ġdid li jkun inqas ibbażat fuq in-numri – kemm jekk ikunu karozzi, turisti, żvilupp, industriji li jużaw ħafna ħaddiema – u tiffoka fuq il-valur miżjud, u fl-aħħar mill-aħħar il-kwalità tal-ħajja tar-residenti tagħha.
Huwa ta’ tħassib kbir ukoll li 9 minn kull 10 jaħsbu li l-ambjent ta’ Malta qed jiggrava bl-akbar sfida tkun fuq l-iżvilupp mhux kontrollat. Aktar inkwetanti minn hekk hu li żewġ terzi taż-żgħażagħ tagħna m’humiex qed jaraw futur f’Malta u jekk ikollhom l-opportunità li jirrilokaw fl-Ewropa ma jaħsbuhiex darbtejn. Dan ix-xenarju jixbah is-snin ta’ wara l-gwerra meta eluf ta’ Maltin emigraw biex ifittxu futur aħjar f’pajjiżi bħall-Awstralja, l-Istati Uniti u l-Kanada. Jekk is-sitwazzjoni mhux se titjieb, il-konsegwenzi fuq l-ekonomija Maltija se jkunu katastrofiċi. Hawnhekk iqumu diversi mistoqsijiet – il-ġenerazzjonijiet iż-żgħar qed ifittxu futur aħjar għax m’hawnx meritokrazija, minħabba tribaliżmu esaġerat, bini bla rażan, nepotiżmu, klijenteliżmu, abbuż ta’ poter u prezzijiet għolja tal-propjetà?
Is-soluzzjoni għal dan kollu mhux neċessarjament tinstab billi jkunu allokati l-flus. Imma l-qabel xejn irridu nirrikonoxxu li għandna problema. Meta wieħed jara l-mod li bih il-Gvern warrab is-sejħiet biex ikun hemm sforz akbar biex Malta toħroġ mil-lista l-griża u anke lejn il-konklużjonijiet tal-istħarriġ tal-EY, jidher li dan huwa Gvern li mhux qed jaċċetta r-realtà.
Ta’ min iżomm f’moħħu li d-dgħjufijiet ta’ Malta jistgħu jingħelbu. Żgur li jekk il-Botswana u l-Mauritius ħarġu mil-lista l-griża, Malta tista’ tasal ukoll.
Madankollu, jekk nidfnu rasna fir-ramel u ma nagħmlu xejn inkunu boloh. Il-mantra mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-messaġġ li ħareġ fil-Baġit 2022 lill-imsieħba soċjali u lin-nies ta’ din il-gżira huwa li kollox jinsab business as usual. Is-slogan magħżul għal dan il-Baġit – Malta li rridu għal uliedna – huwa verament ironika. Żgur li ħadd ma jrid li jibqa’ jissemma’ talli rrelega stat membru tal-UE fil-lista l-griża!