Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) ġiet fdata mill-Kummissjoni Ewropea biex tospita u tamministra ċ-ċentru ta’ informazzjoni Europe Direct Valletta għall-perjodu Mejju 2021 – Diċembru 2025.

Europe Direct Valletta tingħaqad ma’ żewġ Ċentri Europe Direct oħra, wieħed f’Malta u wieħed f’Għawdex, u ’l fuq minn 400 ċentru ieħor madwar l-Unjoni Ewropea. Il-missjoni taċ-ċentri Europe Direct hija li xxerred informazzjoni u tgħin liċ-ċittadini Ewropej fi kwistjonijiet relatati mal-UE.

Fis-snin li ġejjin Europe Direct Valletta se tibni fuq ir-reputazzjoni li kisbet fit-tmexxija taċ-ċentru bejn Jannar 2018 u April 2021. Mill-2018 iċ-ċentru kien sors ta’ informazzjoni dwar l-UE, il-politiki u l-programmi tagħha, inklużi Fondi tal-UE.

Europe Direct tfittex li tilħaq is-sezzjonijiet kollha tal-popolazzjoni, mit-tfal saż-żgħażagħ, sa adulti u ċittadini anzjani f’diversi oqsma, bħall-ambjent, l-edukazzjoni, is-saħħa, l-impjiegi u n-negozju.

Il-pjan strateġiku ta’ Europe Direct Valletta se jitnieda fl-4 ta’ Mejju f’nofsinhar, waqt konferenza stampa mill-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela u l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tas-SEM, Mandy Falzon. It-tnedija se tkun imxandra fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ SEM, facebook.com/servizziewropej.