L-effetti tal-Coronavirus qed jinħassu…anki f’Malta
In-numru ta’ każijiet tal-Coronavirus qed jikber madwar id-dinja, bl-aħħar ċifra waqt li qed nikteb dan l-artiklu qabżet il-200,000 każ li minnhom aktar minn 80,000 fiequ u aktar minn 8,000 mewta ġew reġistrati. F’Malta, s’issa, iċ-ċifra qed toqrob l-40 każ u tnejn fiequ.
Għall-ewwel il-każijiet f’pajjiżna kienu impurtati, jiġifieri persuni li spiċċaw infettati bil-marda wara li rritornaw Malta mis-safar. Iżda issa tħabbru każijiet ta’ kuntatt dirett bejn persuna u oħra lokalment.
Dawk il-persuni li rriżultaw pożittivi għall-Coronavirus qed jitpoġġew taħt kwarantina mandatorja, anki l-qraba li jgħixu magħhom. Ġew rappurtati każi ta’ individwi li nqabdu jisfidaw l-ordnijiet tal-kwarantina u l-multa issa telgħet minn €1,000 għal €3,000.
Il-biża’ minn din il-marda wasslet biex f’dawn l-aħħar jiem ħafna ħaddiema ma rrappurtawx għax-xogħol. Uħud mill-employers irranġaw biex il-ħaddiema tagħhom jaħdmu mid-dar jew permezz tat-teleworking. Oħrajn qed jieħdu l-leave biex jieħdu ħsieb lil uliedhom wara li l-iskejjel ġew ordnati biex jagħlqu għal żmien indefinit. B’riżultat ta’ dan it-toroq u l-pjazez fl-irħula qed ikunu vojta u t-traffiku qed ikun mexxej u kajman.
Smajna kif diversi avvenimenti sportivi, kulturali, soċjali u reliġjużi tħassru jew ġew posposti. Mhux qed isir quddies fil-knejjes u ttieħdet deċiżjoni mill-Gvern biex ristoranti, bars, gyms, swali tat-tombla u swali taċ-ċinema ma jiftħux.
Ħafna negozji u ħwienet huma mħassbin u inkwetati għax mhux qed jirrapportaw bejgħ. Jidher li qed ikun hawn kriżi fis-suq tax-xogħol. Fil-fatt grupp ta’ negozji appella lill-Gvern biex jagħti widen u jassistihom. Uffiċjal mill-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji saħansitra sfida lill-Gvern biex juża d-dħul (li jissarraf f’miljuni), iġġenerat mill-bejgħ tal-passaporti, sabiex jgħin lin-negozji. Barra minn hekk il-ħaddiema m’għandhomx ibatu kawża tal-impatt mill-Coronavirus. Jeħtieġ jitwaqqaf fond mill-Gvern biex jagħmel tajjeb għal dawk il-ħaddiema li jkunu f’diffikultà.
It-turiżmu wkoll qed jaqla’ daqqa ta’ ħarta, speċjalment mis-suq Ingliż wara li ċittadini Ingliżi ġew imwissija biex ma jżurux Malta. Barra minn hekk it-titjiriet lejn Malta se jiġu sospiżi mis-Sibt 21 ta’ Marzu.
Il-biża’ mill-Coronavirus wkoll qed tħalli effetti psikoloġiċi, partikularment fuq min jiffissa fuq l-iġjene u l-mard tant li aġenziji li jaħdmu fil-qasam soċjali rrappurtaw każijiet ta’ persuni li qed ikunu anzjużi ħafna, tant hu hekk li qed jinkwetaw għal ħajjithom. Xi ħaddiema wkoll irrikorrew għall-għajnuna peress li huma inkwetati li jistgħu jitilfu x-xogħol b’detriment għall-għixien tal-familja.
Ma jonqosx il-biża’ mill-iskarsezzi fl-ikel u ħafna Maltin waqgħu għall-panic–buying b’ħafna nies jiffullaw fis-supermarkets. Dan il-fenomenu qed iseħħ f’ħafna pajjiżi madwar id-dinja, saħansitra f’kontinenti mbiegħdin bħalma hu l-Awstralja fejn, fost oħrajn, qam paniku fix-xiri tat-toilet paper.
Fl-aħħar mill-aħħar, Voice of the Workers jikkontendi li filwaqt li jilqa’ is-sospensjoni tat-titjiriet minn barra, il-Gvern għandu bis-serjetà jordna lockdown mill-aktar fis bħala miżura preventiva biex ikun hawn kontroll mit-tixrid tal-marda. Ma nridux naslu f’sitwazzjoni fejn saħħet il-popolazzjoni Maltija tkun iżjed ipperikolata. Lanqas ma rridu li joktru l-problemi fuq l-ekonomija tal-pajjiż.
(Dan l-editorjal inkiteb fis-17 ta’ Marzu 2020).