Sabiex il-ħarsien tal-annimali, is-sidien tal-annimali domestiċi u s-saħħa pubblika jkunu protetti, l-Ewro Parlamentari talbu biex ikun hemm Pjan ta’ Azzjoni Ewropea biex jintemm il-kummerċ illegali ta’ annimali domestiċi. 

B’607 voti favur, tlieta kontra u 19-il astensjoni, l-Ewro Parlamentari addottaw resoluzzjoni li ma torbotx fejn titlob  għal azzjoni kontra l-kummerċ illegali ta’ annimali domestiċi li joħloq tbatija lill-istess annimali, ixerred il-mard, u jiġġenera dħul kbir għall-kriminalità internazzjonali organizzata. 

L-Ewro Parlamentari qed isejħu għal miżuri, bħal: 

  • Sistema mandatorja Ewropea biex tirreġistra l-qtates u l-klieb; 
  • Definizzjoni Ewropea dwar faċilitajiet ta’ tgħammir kummerċjali fuq skala kbira, magħrufin bħala puppy mills; 
  • Tisħiħ tal-infurzar tal-liġi u sanzjonijiet iżjed ħorox, u 
  • Inkoraġġiment lin-nies biex jaddottaw, milli jixtru l-annimali domestiċi. 

Madwar 46,000 kelb jinbiegħu bejn pajjiż Ewropew u ieħor kull xahar, il-maġġoranza tagħhom mingħajr ma jkunu reġistrati. Breeders kummerċjali qed jabbużaw mil-leġislazzjoni Ewropea tal-moviment tal-annimali domestiċi (Regolament (EU) Numru 576/2013), intenzjonata għall-moviment mhux kummerċjali ta’ annimali domestiċi, eżempju, dawk l-annimali li jivvjaġġaw mas-sidien tagħhom.