Min  jagħmel il-politika jrid jirrikonoxxi li l-esiġenzi tal-lum – biex ikun eradikat il-faqar u biex il-ħarsien tal-bniedem ikun imsaħħaħ filwaqt li jinstab bilanċ ambjentali – jifformaw aġenda waħdanija u l-aktar mod effettiv biex din tinkiseb hu permezz tal-edukazzjoni. 

L-edukazzjoni, it-taħriġ u l-għarfien pubbliku dwar il-bidla fil-klima għandhom jibqgħu fatturi kruċjali f’din id-dinja li qed ngħixu. L-edukaturi jridu jisħqu dwar ir-rwol li l-edukazzjoni hija ċ-ċavetta biex l-iżvilupp sostenibbli jkun avvanzat. 

Sistema edukattiva b’saħħitha twessa’ l-aċċess għall-opportunitajiet, ittejjeb is-saħħa u ssaħħaħ il-kapaċità tal-komunitajiet biex jirkupraw mid-diffikultajiet li jkunu fihom. Barra minn hekk, l-edukazzjoni tipprovdi l-ħiliet li n-nies jeħtieġu biex jirnexxu f’ekonomija li tkun sostenibbli, b’impjiegi f’oqsma bħall-enerġija li tiġġedded u l-biedja. 

Aktar minn hekk, l-edukazzjoni tista’ iġġib bidla fundamentali kif naħsbu, naġixxu u nxerrdu r-responsabbiltajiet tagħna lejn ħaddieħor u lejn il-pjaneta tagħna. Wara  kollox, filwaqt li l-inċentivi finanzjarji, il-policies adekwati u l-innovazzjoni teknoloġika huma meħtieġa biex jinsabu modi ġodda fil-produzzjoni u l-konsum, dawn ma jistgħux isawwru mill-ġdid il-valuri tan-nies sabiex jilqgħu u javvanzaw il-prinċipji tal-iżvilupp sostenibbli. Madankollu, l-iskejjel jistgħu jrawwmu ġenerazzjoni ġdida ta’ ċittadini li jkunu konxji ħafna tal-ambjent biex tappoġġja t-tranisizzjoni lejn ġejjeni sostenibbli u li jawgura tajjeb. 

Jeħtieġ li l-iskejjel tagħna japplikaw il-mudell Daniż fejn l-edukazzjoni hi kollox dwar is-sostenibbiltà. Fil-Green Free School f’Kopenhagen, l-għixien sostenibbli huwa fil-qalba tas-sillabu tagħha. Il-binja nnifisha, magħmula minn materjali sostenibbli, tkopri klassi fejn l-istudenti jitgħallmu jużaw materjali bħall-injam, it-tafal, ix-xama’, il-metall u  l-plastik. Jitgħallmu wkoll kif jagħmlu l-kompost, isewwu r-roti li jużaw bħala mezz ta’ trasport u jiġbru l-ilma tax-xita. L-istudenti f’din l-iskola huma nkoraġġiti biex iqattgħu iżjed ħin fil-beraħ jesploraw madwarhom u jiksbu esperjenza jkabbru l-ħxejjex tagħhom filwaqt li jitgħallmu dwar il-kundizzjonijiet tal-klima. Il-metodu tat-tagħlim f’din l-iskola Daniża hi bbażata fuq il-proġetti u l-ħsieb kreattiv. L-istudenti jwettqu proġetti prattiċi taħt is-superviżjoni tal-għalliema tagħhom. 

Dan il-mudell, għalkemm huwa importanti, huwa biss il-bidu. Li jonqos hu moviment dinji b’kull student f’kull pajjiż, inkluż Malta, jitgħallem dwar l-iżvilupp sostenibbli minn għalliema mħarrġin tajjeb u mgħammra b’kurrikulu u riżorsi xierqa. 

Bla dubju ta’ xejn, ma nistgħux nassiguraw ġejjieni sostenibbli sikur f’temp ta’ ftit xhur. Imma b’sett tajjeb ta’ impenji u miri, nistgħu nimxu fit-triq it-tajba. Bi programmi edukattivi effettivi li jnisslu, fil-ġenerazzjonijiet tal-futur, l-importanza li nieħdu ħsieb id-dinja li ngħixu fiha, nistgħu nibqgħu f’din it-triq. Dan hu l-messaġġ li għandu jkun enfasizzat mill-edukaturi, partikularment mill-awtoritajiet edukattivi tal-Gvern.