L-effetti tat-tluq tar-Renju Unit mill-UE fuq Malta u lil hinn
Mill-1 ta’ Frar 2020, ir-Renju Unit ma baqax membru tal-Unjoni Ewropea iżda bdiet perjodu ta’ tranżizzjoni li jintemm fl-aħħar ta’ din is-sena. F’dan il-perjodu, iż-żewġ naħat iridu jinnegozjaw u fuq kollox jaqblu fuq ir-relazzjoni wara l-1 ta’ Jannar li ġej.
Dr. Philip von Brockdorff, il-Kap tad-Dipartiment tal-Ekonomija fl-Università ta’ Malta, f’intervista li saritlu minn Voice of the Workers, fisser li huwa diffiċli ħafna biex wieħed jipprevedi x’jistgħu jkunu l-konsegwenzi tan-negozjati li għad iridu jsiru, negozjati li se jibdew fil-ġimgħat li ġejjin. “Ma nafux jekk hux se jsir xi ftehim dwar ebda tariffa, jew inkella ma jsir ebda ftehim... minflok isir arranġament abbażi tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), dak li jissejjaħ hard Brexit….allura ma nafux x’impatt jista’ jkollna iktar tard din is-sena”, sostna Dr. von Brockdorff.
Jekk ma jsirx ftehim, allura jista’ jkollna hard Brexit, l-Unjoni Ewropea tapplika tariffi fuq numru ta’ prodotti lir-Renju Unit. Dan ifisser li esportaturi mir-Renju Unit lejn l-Ewropa se jkunu suġġetti għat-tariffi. Min-naħa l-oħra, esportaturi Maltin lejn ir-Renju Unit ukoll se jkunu suġġetti għal tariffi fuq numru ta’ prodotti. Hawnhekk, wieħed irid ikun jaf x’inhuma dawn il-prodotti u t-tariffi applikabbli.
Jekk isir ftehim, allura jsir zero tariff agreement, ma tiġi applikata ebda tariffa fuq ebda prodott u allura l-arranġament jkun iżjed ta’ ftehim għal kummerċ ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit. Madankollu, kollox jiddependi min-negozjati.
Ta’ min ifakkar li l-Prim Ministru Boris Johnson kien qal li jrid isir ftehim sal-aħħar ta’ din is-sena u allura dan se jkun qed iżid pressjoni sabiex jintlaħaq ftehim. Il-Prim Ministru Ingliż qal ukoll li jrid isir xi ftehim bħal dak mal-Kanada imma dan jista’ jieħu fit-tul għax ftehim bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea kien ħa ħafna snin biex seħħ. Taħt il-ftehim eżistenti bejn l-UE u l-Kanada, tariffi fuq l-importazzjonijiet ta’ diversi affarijiet ġew eliminati bejn iż-żewġ naħat, għalkemm għad hemm verifiki fuq id-dwana u l-VAT.
Dr. von Brockdorff żied li l-Unjoni Ewropea trid tiddefendi l-pożizzjoni tagħha fir-rigward ta’ ċertu leġislazzjoni biex tassigura li r-Renju Unit ma jkollhiex vantaġġ fuq l-Unjoni Ewropea fejn jidħol il-kummerċ. Ir-Renju Unit għandu żewġ miri importanti – kif se jipproteġi s-settur finanzjarju tiegħu u kif se jħares il-prodotti tiegħu. Hemm ukoll is-settur importanti tas-sajd fejn l-Unjoni Ewropea tista’ tinsisti li s-sajjieda Ewropej jibqgħu jistadu fl-ibħra madwar ir-Renju Unit. Din se tkun kwistjoni fejn in-negozjati mistennija jkunu diffiċli ħafna bejn iż-żewġ partijiet.
Mistoqsi dwar kif se jintlaqtu l-ħaddiema Maltin li jaħdmu fir-Renju Unit, Dr. von Brockdorff qal li sal-aħħar ta’ din is-sena m’hemm ebda problema għax kollox se jibqa’ kif inhu. Wieħed irid jara x’se jiġri f’għeluq is-sena. Għal min bħalissa qed jaħdem fir-Renju Unit, se jibqa’ l-arranġament attwali li mbagħad jiġi estiż wara l-2020. Eventwalment din se tkun restrittiva għal ħaddiema Maltin li jridu jaħdmu fir-Renju Unit. Hawnhekk se jiddaħħal reġim abbażi ta’ kwalifiki u kompetenza biex jirrestrinġi n-numru ta’ ħaddiema mill-Unjoni Ewropea, inkluż dawk Maltin, li jkunu jridu jaħdmu fir-Renju Unit. Dan ifisser li mhux kull ħaddiem Malti jista’ jaħdem fl-Ingilterra.
Dr. von Brockdorff tkellem dwar in-nuqqas tar-Renju Unit fil-Kunsill tal-Ministri. Dan huwa ta’ detriment għal pajjiżna, partikularment fi kwistjonijiet ta’ taxxa. Aspett negattiv ieħor jikkonċerna l-budget Ewropew li bħalissa qed jiġi negozjat u mistenni jiġi konkluż fix-xhur li ġejjin. Jekk il-budget se jonqos, dan se jaffettwa l-pakkett finanzjarju allokat lil Malta dwar diversi programmi, bħall-ESF u l-ERDF.
L-industrija tat-turiżmu wkoll tista’ tintlaqat ħażin. Jista’ jagħti l-każ li peress li jkun hemm spejjeż addizzjonali għal residenti Brittaniċi li jfittxu lil Malta bħala destinazzjoni turistika, dawn jistgħu jagħżlu destinazzjonijiet alternattivi minflok Malta.
Intant opinjonisti politiċi qed jgħidu li din hi “era ġdida għall-UE imma jista’ jkun il-bidu tat-tmiem għall-istituzzjoni reġjonali”. Dr. von Brockdorff jikkontendi li din hija theddida kbira għall-Unjoni Ewropea. Jekk ikun hemm pajjiż ieħor, wara r-Renju Unit, li għal xi raġuni jew oħra jiddeċiedi li jagħmel l-istess ħaġa, allura l-istituzzjonijiet Ewropej ikunu imminati iżjed milli rajna s’issa. Jiġifieri l-Unjoni Ewropea taħdem jekk tibqa’ timxi ‘l quddiem bit-tkabbir għal iżjed membri. Jekk imbagħad il-membri jonqsu, l-istituzzjonijiet jiġu mminati u jkun hemm inqas fiduċja fl-istituzzjonijiet u inqas fiduċja fil-proġett Ewropew. Dan huwa l-ikbar riskju li l-UE jista’ jkollha.