L-effetti psikoloġiċi tal-Coronavirus waslu f’Malta qabel il-virus innifsu
Il-Coronavirus ilu magħna….imma fil-moħħ tagħna. Dan il-virus tant qajjem sensazzjoni mad-dinja kollha (anki f’Malta), sforz il-media, li neffaħnih iżżejjed.
Bħalissa hemm linja sottili ħafna bejn l-isteriżmu, jew l-inkwiet esaġerat, u x-xjenza. Hemm ukoll linja sottili ħafna bejn ix-‘xjenza’ kif rappurtata fuq Facebook u x-xjenza attwali tal-awtoritajiet. Fix-xena internazzjonjali qed isir impenn qawwi, organizzat u koordinat, sabiex jinħoloq il-vaċċin u l-kura kontra dan il-virus.
In-nies qed jinkwetaw iżżejjed. Hawn min jistaqsi jekk hix marda qerrieda, jekk wieħed għandux jilbes il-maskra jew jekk għandux joħorġu jew le. Issib min hu mħasseb li mhu qed isir xejn f’Malta biex niġġildulu dan il-virus.
It-tobba u speċjalisti oħrajn tas-saħħa qed ikunu bbumbardjati b’ħafna mistoqsijiet. Dan juri li n-nies huma interessati biex ikunu jafu aktar dwar il-Coronavirus. L-edukazzjoni tan-nies qatt ma tista’ tkun ftit u allura l-ħidma dwar l-għarfien trid tibqa’ għaddejja. Il-psikjatra Mark Xuereb, meta kien intervistat fuq programm televiżiv dan l-aħħar, stqarr li “jekk inkunu stressjati esaġeratament is-sistema immunitarja tagħna mhux se tilqa’ għal din il-kwistjoni.”
Jeħtieġ nużaw is-sens komun. Ejja nimxu skont ix-xjenza u mhux bix-‘xjenza’ ta’ dak li jinkiteb fuq il-media soċjali jew bl-esaġerazzjonijiet. Naturalment ilkoll irridu nimxu bil-galbu u nieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa kollha. Wieħed jistaqsi: din li nimlew bl-addoċċ it-trolleys fis-supermarkets b’ħafna ikel u provvisti oħrajn, kif ukoll nixtru maskri u sanitisers bil-goff, jgħin jew le fil-kwistjoni kollha? Naħseb li dan kollu assolutament ma jgħinx.
Importanti li lkoll kemm aħna nippreparaw psikoloġikament għax wara kollox il-Coronavirus hija kriżi. Imma din il-kriżi tista’ tkun opportunità – li nieħdu deċiżjonijiet kostruttivi li ma jxekklux ħalli jekk il-virus jidħol f’Malta nkunu lesti fiżikament, strutturalment u psikoloġikament.
L-inkwiet u l-istress żejjed jafu jġibu konsegwenzi agħar mill-virus innifsu u allura tajjeb li wieħed jeduka lilu nnifsu u jaġixxi skont il-pariri li jingħataw mill-awtoritajiet tas-Saħħa. Fuq kollox ejja noqogħdu attenti, nilqgħu għall-kriżi u ma nesaġerawx.