L-UE fuq ponot subgħajk
Qatt kellek bżonn informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea u x-xogħol tagħha u ma kontx taf fejn tfittex jew tistaqsi?
Jew forsi xtrajt prodott jew użajt servizz fi stat membru tal-UE imma ma kontx sodisfatt bir-riżultat jew ħassejtek inġurjat u ridt tressaq ilment?
Għandek l-intenzjoni li taqsam lejn stat membru ieħor għad-divertiment, l-emerġenza, is-saħħa, ix-xogħol u għal raġunijiet ta’ studju, u trid tkun taf x’inhuma drittijietek? Inti NGO, kunsill lokali jew skola u trid tibbenefika minn fondi Ewropej għall-proġett tiegħek?
Mela l-MEUSAC huwa l-bidu biex ikollok it-tweġibiet dwar dan kollu u aktar. Europe Direct – wieħed mill-450 ċentru madwar l-UE, ukoll jinsab fi ħdan il-MEUSAC. Aħna qegħdin hemm biex nipprovduk bit-tagħrif relevanti li teħtieġ.
Il-MEUSAC iservi ta’ one-stop-shop għall-affarijiet kollha relatati mal-UE. Diversi attivitajiet huma organizzati biex jagħmlu l-informazzjoni dwar l-UE iżjed aċċessibbli għaċ-ċittadini, inkluż dibattiti u avvenimenti edukattivi.
Eżempju ta’ dan huwa Jum l-Ewropa, imfakkar fid-9 ta’ Mejju kull sena, li jservi ta’ pjattaforma għaċ-ċittadini biex ikollhom tagħrif dwar l-UE mill-qrib fejn numru ta’ entitajiet u organizzazzjonijiet relatati mal-UE jingħaqdu biex itellgħu fiera fid-dħul tal-belt Valletta. Kemm jekk hi karriera f’istituzzjoni Ewropea jew qed tfittex biex tkompli bl-istudji tiegħek fi stat membru ieħor, jew sempliċiment trid ittejjeb l-għarfien tiegħek dwar oqsma Ewropej, dan huwa ċ-ċans biex tniżżel dan l-avveniment fid-djarju tiegħek.
L-uffiċċji ta’ MEUSAC u Europe Direct jinsabu fiċ-ċentru tal-belt Valletta – 280, Triq ir-Repubblika, il-Belt. Jew inkella, jistgħu jiġu kuntattjati fuq 2200 3300 jew permezz tal-email info.meusac@gov.mt. Jinsabu wkoll fuq Facebook, Instagram jew iċċekkja xi aġġornamenti fuq il-website www.meusac.gov.mt