Il-liberta’ tal-espressjoni għandha tissaħħaħ iżjed mhux tiġi mxekkla
Il-media ħielsa, indipendenti u pluralistika, ibbażata fuq il-liberta’ tal-informazzjoni u l-espressjoni, hi element prinċipali ta’ kull demokrazija li tiffunzjona. Il-liberta’ tal-media hi fil-fatt essenzjali għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem l-oħrajn kollha. Stejjer dwar diskriminazzjoni, korruzzjoni u l-użu ħażin tal-poter spiss jaraw id-dawl minħabba l-ħidma ta’ ġurnalisti investigattivi.
Iżda sinjali inkwetanti ta’ ripressjoni u vjolazzjonijiet tal-liberta’ tal-espressjoni jistgħu jiġu osservati f’numru ta’ pajjiżi Ewropej. Forom differenti ta’ kontroll u pressjoni fuq il-varjeta’ u l-kontenut tal-media jxekklu l-indipendenza tal-ġurnalisti u tal-pluraliżmu. Każijiet ta’ ġurnalisti li ġew iddeprivati mil-liberta’, jew agħar minnhekk maqtula minħabba xogħolhom, jibqgħu jseħħu. Ftakru fl-assassinju, fost oħrajn, ta’ Daphne Caruana Galizia f’Malta u fil-qtil tal-ġurnalist Slovakk Jan Kuciak u s-sieħba tiegħu Martina Kusnirova. Għax kitbu fuq il-verita’ pattew qares b’ħajjithom.
Id-dinja qed issir post tassew perikoluż għall-ġurnalisti biex iwettqu xogħolhom. Is-settur ġurnalistiku qed ikun spiss il-mira ta’ mexxejja awtoritarji li dmirhom hu biex jikkonsolidaw il-poter. Minflok għandna liġijiet u regolamenti li joħolqu ambjent ta’ appoġġ lill-media, tali gvernijiet jissoktaw bil-kontroll aggressiv tagħhom fuq il-media permezz, fost oħrajn, ta’ nepotiżmu u attakki fuq media houses indipendenti.
Barra minn hekk iċ-ċensura tgħarraq ir-rappurtaġġ ta’ suġġetti kontroversjali. F’ħafna pajjiżi madwar id-dinja, il-liġijiet u prattiċi amministrattivi qed ikunu abbużati biex ikunu ċċensurati ilħna kritiċi u jmewtu dibattiti pubbliċi. Il-ġurnalisti li jirrapportaw fuq kwistjonijiet kontroversjali xi kultant huma l-miri prinċipali ta’ dawn l-isforzi.
Għaldaqstant il-ġurnalisti madwar id-dinja jiffaċċjaw riskji kbar b’riżultat tax-xogħol tagħhom. It-theddid, is-sorveljanza u saħansitra arresti u qtil ta’ ġurnalisti huma spiss ir-riżultat talli tkun rappurtata l-verita’.
Ir-rwol tal-media bħala sors ta’ informazzjoni objettiva huwa sfidat meta l-livelli professjonali u etiċi tal-ġurnaliżmu fil-pajjiż ikunu baxxi. In-nuqqas ta’ istituzzjonijiet għal taħriġ ta’ kwalita’ għolja kif ukoll in-nuqqas ta’ professjonaliżmu fis-settur flimkien ma’ salarji baxxi joħolqu diffikultajiet fiż-żamma tal-istaff. Dan għandu effett fuq il-kredibbilta’ u l-fiduċja fil-media. In-newtralita’ u l-oġġettivita’ huma l-pilastri ewlenin ta’ soċjeta’ li tibbenefika mill-ġurnaliżmu. Madankollu, f’ħafna pajjiżi dan mhux il-każ.
Għaldaqstant għandha tkun enfasizzata l-liberta’ tal-espressjoni kull fejn tirrenja d-demokrazija. Il-media ħielsa għandha rwol kruċjali fil-bini tal-kunsens u l-qsim tal-informazzjoni – ilkoll essenzjali għat-teħid demokratiku tad-deċiżjonijiet u għall-iżvilupp soċjali.