Ejja nindirizzaw bis-serjeta’ il-problema tal-iskart mill-plastik
Taħsbu li l-bniedem qed isir ‘kankru’ ta’ din il-pjaneta? Din il-mistoqsija ħarġet minn sejbiet xokkanti wara studju li kien sar min-Nazzjonijiet Uniti fil-ġimgħat li għaddew. Jirriżulta li l-bniedem qed ikun il-kaġun ta’ ħafna ħsara ambjentali fl-art kif ukoll fl-ibħra. Wieħed mill-muturi ta’ dan l-isfreġju huwa t-tniġġis mill-plastik.
Il-fliexken tal-ilma saru sors importanti tal-iskart mill-plastik, flimkien mal-istraws, il-pożati tal-plastik, kontenituri tal-ikel u oġġetti oħrajn magħmulin minn dan il-materjal. Fdalijiet tal-plastik qed jimblokkaw il-miżbliet, isoddu d-drejns, iniġġsu l-kanali tal-ilma u jikkontribwixxu għan-nuqqas fil-bijodiversita’. L-iskart tal-plastik fit-toroq u fl-ixtajtiet kif ukoll f’postijiet pubbliċi oħrajn qed jagħtu wisq fil-għajn.
Forom oħrajn ta’ plastik ukoll qed iniġġsu l-art u l-baħar. Dawn jinkludu l-basktijiet tax-xiri li għadhom jingħataw fil-ħwienet, dak il-plastik tal-bżieżaq li jgeżwer l-oġġetti, wires tad-dawl, ċertu ġugarelli tal-plastik, għamara tal-ġonna, fliexken tad-deterġenti jew tal-bleach, għotjien tal-fliexken u biżibilju ta’ oġġetti oħrajn.
Tmintax fil-mija tal-iskart tal-plastik bilkemm jiġi riċiklat fid-dinja. Il-kumplament jispiċċa mormi. Sabiex nieħdu eżempju, għexieren ta’ biljuni ta’ fliexken tal-ilma li nixorbu minnhom, u li faċilment jistgħu jiġu riċiklati, qed jiġu skartati bħala żibel kull sena.
It-tniġġis tal-ibħra żdied b’għaxar darbiet sa mill-1980. It-tniġġis qed jhedded il-ħut li jikkonsma l-bniedem. Mhux ta’ b’xejn li plastik fin ħafna qed isib ruħu fl-intern tal-ħut.
Dan kollu jwassalna biex ngħidu li mhux qed isir biżżejjed biex nindirizzaw is-‘saħta’ tal-iskart mill-plastik. Għaliex għadu qed isir l-użu ta’ ċertu prodotti. bħal platti, tazzi, stirrers u cotton buds, meta hawn alternattivi fis-suq li mhumiex tal-plastik fis-suq u li huma kummerċjalment affordabbli? Kumpaniji tax-xarbiet, per eżempju, għandhom jużaw kontenituri bio-degradable minflok il-fliexken tradizzjonali tal-plastik.
L-aħjar policies u regolamenti jistgħu jippromwovu l-ogħla rati ta’ riċiklaġġ u jipprevjenu l-iskart tal-plastik fi spazji pubbliċi. Hawnhekk nistgħu nitgħallmu mill-Ġermanja, iċ-champion dinji fir-riċiklaġġ li kważi tirriċikla l-fliexken tal-plastik kollha. F’Berlin, per eżempju, in-nies foqra jwettqu servizz ambjentali billi jqallbu fil-kontenituri pubbliċi tal-iskart għall-fliexken, jiddepożitawhom f’magni tal-apposta fis-supermarkets u mbagħad jitħallsu ta’ għemilhom. Issa immaġinaw li kieku inċentiv monetarju attraenti jiġi offrut lill-foqra fil-pajjiżi kollha sabiex huma jiġbru l-fliexken u skart tal-plastik ieħor u jiddepożitawhom ma’ tal-ħwienet.
Barra minn hekk taxxa ambjentali fuq il-plastik tista’ tgħin lill-Gvern sabiex jiġbor flus biżżejjed ħalli jinċentiva l-ġbir tal-fdalijiet kollha tal-plastik. Il-kumpaniji kummerċjali wkoll għandhom jikkontribwixxu biex ikunu koperti l-ispejjeż fit-tmexxija tal-iskart u tat-tindif.
Ejja ma niżbaljawx. Is-saħta tal-iskart mill-plastik qegħda bis-serjeta’ tagħmel ħsara lill-ħarsien ambjentali dinji, inkluż il-kontaminazzjoni tal-ilma għax-xorb u l-ikel li nieklu. Jekk ma nindirizzawx il-problemi bl-aktar mod urġenti, skont ir-riċerka, se jkun hemm aktar plastik milli ħut bil-piż fl-ibħra sal-2050. U aktar nies jistgħu jmutu bil-kanċer u minn mard ambjentali ieħor.