Il-protezzjoni liż-żgħażagħ fil-post tax-xogħol
Meta jidħlu fid-dinja tax-xogħol għall-ewwel darba, żgħażagħ taħt it-18-il sena jista’ ma jkollhomx esperjenza u xi kultant issibhom nieqsa minn maturita’ fiżika u dik psikoloġika. Dan għax ma jafux sa fejn jaslu r-riskji li jistgħu jiffaċċjaw fil-post tax-xogħol. Uħud minn dawn ir-riskji jinkludu:-
- Li jkollhom ħiliet suffiċjenti u taħriġ;
- Li ma jkunux konxji ta’ drittijiethom u d-dmirijiet ta’ min iħaddimhom;
- Li ma jkollhomx il-kunfidenza biex jitkellmu, u;
- Min iħaddem ma jirrikonoxxix il-protezzjoni addizzjonali li għandhom bżonn iż-żgħażagħ.
Sabiex min iħaddem u l-ħaddiema żgħażagħ ikunu salvagwardjati, l-UE għandha direttiva li tqiegħed il-prerekwiżiti minimi għall-ħarsien taż-żgħażagħ fil-ħin tax-xogħol billi tpoġġi l-obbligi legali fuq min iħaddem.
Fil-qosor, id-Direttiva tifrex ir-responsabbilta’ ġenerali ta’ min iħaddem biex jipproteġi u jimmonitorja s-saħħa u s-sigurta’ tal-ħaddiema żgħażagħ. Tispeċifika wkoll it-tipi ta’ impjieg li ma jistgħux isiru miż-żgħażagħ, bħal xogħol li jeċċedi l-kapaċitajiet mentali jew fiżiċi tagħhom u xogħol li jinvolvi l-espożizzjoni għal sustanzi perikolużi. Barra minn hekk, hemm ukoll provvedimenti fuq is-sigħat tax-xogħol, xogħol ta’ bil-lejl, perijodi ta’ waqfien, leave annwali u rest breaks.
Id-Direttiva dwar il-protezzjoni taż-żgħażagħ fil-post tax-xogħol hi eżempju konkret u ċar dwar kif l-UE tfittex li tipproteġi liċ-ċittadini tagħha, speċjalment dawk kunsidrati bħala vulnerabbli u li huma nieqsa minn ħiliet u riżorsi biex jiddefendu lilhom infushom.