L-Ewropa tinsab maqbuda mit-teoriji ta’ konfoffa?
Taħsbu li l-konfoffi se jiddominaw l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Mejju? Dawn il-konfoffi, jew kif inhuma riferuti bl-Ingliż bħala conspiracy theories, qed ikunu lok ta’ tħassib.
Innotaw kif il-kelma tiġri malajr. Rapport li kien pubblikat fuq The Guardian fisser li l-koalizzjoni fl-Italja ddominata mil-Lemin Estrem saħqet, dan l-aħħar, li Franza ħolqot l-influssi fl-immigrazzjoni lejn l-Ewropa għax għadha ma waqfitx tikkolonizza pajjiżi fl-Afrika. Jidher li dan intqal ftit wara li l-populisti tal-Lemin Estrem madwar l-Ewropa laqqmu l-ftehim dwar il-migrazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti bħala ‘strument’ immirat biex iressaq għexieren ta’ miljuni ta’ immigranti lejn l-Ewropa. L-artikolist ta’ The Guardian jistqarr li qed isir minn kollox biex jittieħed vantaġġ mill-kampanja Ewropea.
Xi osservaturi tar-relazzjonijiet internazzjonali jgħidulek li huma mdorrija jintebħu u janalizzaw teoriji li jikkonfoffaw.
Huma jsostnu, per eżempju, li l-Brexit minnha nnifisha hi parzjalment ir-riżultat ta’ propaganda ta’ tixwix. Osservatur politiku partikulari darba kiteb li l-gideb u t-teoriji ta’ tixwix iġiegħlu lin-nies biex ‘ifittxu kenn fix-xettiċiżmu’. L-istess osservatur politiku jżid li “ma jimportax jekk in-nies temminx teorija jew le; jekk il-gideb kienx espost jew le, in-nies xorta tammira lill-mexxejja għall-makakkerija superjuri tagħhom”.
Barra minn hekk, wieħed jibqa’ imħasseb dwar it-teoriji ta’ konfoffa li qed joktru, fid-dawl tar-riżultat li jistgħu jipproduċu f’elezzjoni li tista’ tiddetermina l-futur tal-Ewropa. Għalkemm il-fake news jistgħu jiġu minn kullimkien, ħafna mill-konfoffi li qed jiċċirkolaw madwar l-Ewropa huma manipulattivi apposta, iservu ta’ aġenda politika speċifika u huma mirquma b’malizzja sabiex jiżirgħu suspett u ostilita’ mhux biss fi ħdan popolazzjoni ta’ pajjiż, imma wkoll bejn il-pajjiżi stess. Minħabba f’hekk, ikunu qed jagħmlu l-ħsara tant li qed iċarrtu t-tessut Ewropew.
L-Ewropa hi magħmula minn diversi pajjiżi li l-passat tagħhom kien mimli b’konflitti li nħolqu mill-manipulazzjoni u l-paranojja. Għaldaqstant wieħed għandu jfittex l-aħjar modi biex ikun newtralizzat il-periklu li t-teoriji tal-konfoffi jqiegħdu fuq is-soċjeta’ qabel ma jkun tard wisq.