Soċjeta’ mingħajr ġustizzja soċjali tmut
Jum il-Ħaddiem hi festa bi tradizzjoni partikulari ħafna għalina l-Maltin, li nbidlet maż-żmien imma li dejjem ipprovat tispira lill-ħaddiema fl-għaqda ta’ bejniethom, fil-protezzjoni reċiproka u fil-prinċipju tas-solidarjeta’.
Wieħed mill-prinċipji mħaddna minn din il-union hi l-lealta’. Union taħdem u tistinka sabiex iġġib l-għaqda u li l-kelma li tingħad bejn parti u oħra tinżamm. Il-lealta’ tfisser li jekk ma jintlaħaqx ftehim il-partijiet konċernati jirritornaw mal-mejda tan-negozjati.
“Ħadd m’għandu jersaq lejn il-mejda, kemm il-ħaddiem u min iħaddem, bl-idea li xi ħadd hu aqwa jew iżjed indispensabbli minn ħaddieħor”, saħaq l-Arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna fid-diskors tiegħu waqt konferenza ta’ Jum il-Ħaddiem organizzata minn UĦM Voice of the Workers fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet.
Il-lealta’ tfisser li jekk se nikkritikaw, nikkritikaw fuq punti bażati fuq il-verita’. Qed ngħixu f’ambjent fejn il-media soċjali, li suppost huma mezzi biex inseddqu l-lealta’, qed jiġu abbużati biex ikissru l-lealta’ ta’ bejnietna. Il-lealta’ titlob ir-rispett tad-diversita’ tal-opinjonijiet.
Il-UĦM Voice of the Workers temmen ukoll fil-valuri, l-aktar il-valuri umani. Meta tmur biex tinnegozja, union trid titgħallem trażżan lilha nnifisha. Irid ikollha l-qawwa tal-kuraġġ sabiex tagħmel is-sewwa akkost li tħallas prezz. Fid-diskors tiegħu, l-Arċisqof jitkellem dwar il-valur tal-prudenza, fejn wieħed jiddjaloga u jisma’; il-prudenza tgħallem li wieħed mhux biss jaħdem għad-drittijiet imma li qatt ma jinsa d-dmirijiet.
Valur uman ieħor importanti fit-trejdunjoniżmu hi l-ġustizzja. Din il-union temmen ħafna fil-meritokrazija, fejn wieħed jingħata dak li ħaqqu. Il-UĦM Voice of the Workers tisħaq, u tibqa’ tisħaq, fuq il-prinċipju sagrosant li, għall-istess xogħol jingħata l-istess ħlas. Għal din il-union, hi wkoll ġustizzja li post tax-xogħol ma joqogħdx lura imma jagħti opportunita’ u jimpjega persuni bi bżonnijiet speċjali.
Għaldaqstant ilkoll kemm aħna għandna naħdmu sabiex f’kull livell tas-soċjeta’ tagħna nistinkaw biex inkunu iżjed ġusti.
Waħda mill-kliem fit-tema tal-konferenza ta’ din is-sena kienet il-professjonalita’. L-għerq tal-professjonalita’ hu l-aġġornament kontinwu tal-ħiliet, it-taħriġ u l-fatt li wieħed jagħmel ix-xogħol tiegħu bħala eżempju ta’ best practice.
Il-UĦM Voice of the Workers tisħaq fuq il-flessibbilta’ tal-ħaddiem, li jkun lest biex jaddatta u jevolvi. Ħaddiem li javvanza jħossu aktar apprezzat u jikber fid-dinjita’ tiegħu.
Fi kliem l-Arċisqof, “il-lealta’ tagħmel il-ħajja tagħna iżjed faċli, il-valuri sodi jagħmluna tassew bnedmin u li l-professjonalita’ tgħin biex ilkoll kemm aħna nikkontribwixxu għall-ġid komuni”.