‘Żieda inkwetanti’ fil-każi ta’ frodi fuq l-internet
L-Uffiċċju tal-Arbitru tas-Servizzi Finanzjarji wissa li fl-2012 kien hemm “żieda inkwetanti” fil-każijiet ta’ frodi fuq l-internet.
“Matul is-sena li għaddiet, iltqajna ma’ firxa ta’ konsumaturi li kienu vittmi ta’ skemi frodulenti sofistikati, li ħallewhom vulnerabbli u b’telf finanzjarji li f’xi każi kien ta’ ammonti kbar.”
Skemi bħal dawn kienu jvarjaw minn websites frawdolenti li jwiegħdu profitti mhux realistiċi permezz ta’ crypto currencies u messaġġi bl-SMS li fihom il-vittmi jew ġew ingannati biex jagħmlu depożiti jew jiżvelaw id-dettalji tal-karta ta’ kreditu tagħhom. Din it-twissija dwar każi ta’ frodi bħal dawn ngħatat fir-rapport annwali tal-2021.
Konsumatur partikolari, li kien Malti, kien impressjonat wara li iktar tard induna li ‘espert tal-crypto’ li kien qed jitkellem miegħu fuq l-internet bil-Malti kien frodist barrani li kien juża servizz ta’ traduzzjoni online għall-Malti waqt li kien qed jitkellem miegħu.
Barra minn hekk, xi wħud mill-vittmi esponew lilhom infushom għal riskji kbar billi ppermettew lil dawn il-frodisti aċċess għall-kompjuters tagħhom permezz ta’ programmi apposta.
L-Uffiċċju rrimarka li dawn il-każijiet saħħew il-ħtieġa li jiżdiedu l-kampanji edukattivi biex titqajjem kuxjenza dwar tali skemi ta’ ingann, speċjalment biex jiżdied l-għarfien fuq meta jsir kuntatt ma’ individwi li jgħidu li jkunu esperti. L-illużjoni tar-realtà ħafna drabi tkun ir-raġuni li ħafna konsumaturi jaqgħu fin-nasba ta’ dawn il-frodisti, l-Uffiċċju kompla.
Uħud minn dawk li ġew ingannati irrappurtaw li bagħtu flus lil websites li jappartjenu lil entitajiet li taparsi kienu liċenzjati mill-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji. Għal min mhux espert, dawn il-websites frawdolenti dehru ġenwini u awtentiċi permezz tal-użu ta’ grafika, logos u simboli ta’ organizzazzjonijiet serji.
Mezz ieħor li ntuża biex ikunu frodati l-klijenti kien permezz ta’ SMS ‘urġenti’ li deher li kien messaġġ ġenwin minn kumpanija rinomata. Iktar iva milli le, dak li jkun jiġi mħeġġeġ isegwi link għal website falza li madankollu kienet tidher identika għall-kumpanija ġenwina jew xi fornitur tas-servizzi. Eventwalment, il-klijenti jkunu mitluba jużaw il-card tagħhom biex iħallsu ammonti żgħar, iżda meta jagħmlu dan jikkompromettu l-aċċess għall-kontijiet bankarji tagħhom b’riżultat li fi ftit minuti jinġibdulhom ammonti ta’ flus li jkollhom depożitati.
L-uffiċċju rrimarka li ż-żieda fil-popolarità tal-ismart phone kabbret il-problema peress li żiedet l-immedjatezza li biha il-vittmi jwieġbu għall-messaġġi. Dan jagħmel tali tentattivi ta’ frodi aktar diffiċli biex jinstabu.
Sfortunatament, f’xi każijiet, il-vittmi jistgħu jirrappurtaw il-kwistjoni biss lill-awtoritajiet tal-infurzar rispettivi tagħhom, li huma f’pożizzjoni aħjar biex jinvestigaw kwistjonijiet bħal dawn, sostna l-Uffiċċju.
Għalkemm il-pagamenti bil-card jistgħu, f’xi każijiet, jiġu rimborsati, dan mhux dejjem ikun possibbli. L-istess jista’ jingħad meta jintbagħtu fondi permezz ta’ bank transfer.
Probabbilment il-portata vera ta’ frodi bħal dan qatt ma tista’ toħroġ fid-dawl peress li xi wħud mill-vittmi, speċjalment dawk li tilfu somom kbar jħossuhomx komdi li biex jirrappurtaw il-każ. Filwaqt li l-kampanji edukattivi huma arma kruċjali kontra reati bħal dawn, il-frodisti jagħmlu minn kollox biex jibqħu ’il fuq mil-liġi. Għalhekk l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jimpenjaw ruħhom biex iqajmu kuxjenza u jieħdu miżuri – safejn ikun raġonevolment possibbli – biex jinfluwenzaw l-imġiba tal-konsumaturi u jwissuhom biex ma jgħaġġlux u b’hekk inaqqsu r-riskju jkunu ingannati.