Żieda fil-kuntratti post-paid tal-mobile, waqt jkompli jikber l-użu tal-fibre optic u l-IPTV

Il-qasam tal-komunikazzjonijiet diġitali f’Malta qed jinbidel b’rata mgħaġġla, bi tkabbir qawwi fis-servizzi tat-telefonija ċellulari, il-broadband, u t-televiżjoni — filwaqt li s-servizzi tradizzjonali tal-linja fissa u dawk postali qed inaqqsu.
L-aħħar ċifri tal-Awtorità Maltija tal-Komunikazzjoni dwar l-aħħar tliet xhur tal-2024 juru li t-telefonija ċellulari tibqa’ l-aktar servizz ta’ komunikazzjoni elettronika popolari, b’rata ta’ penetrazzjoni ta’ 133.4%, żieda żgħira mill-133.0% fl-2023. Dan ifisser li l-abbonamenti tal-mobile telgħu għal 766,620 linja, – żieda ta’ 2.3% – li jfisser li 33.4% tal-popolazzjoni għandhom żewġ linji.
Trasformazzjoni ewlenija ntlaħqet fl-ewwel kwart tal-2024, meta l-abbonamenti post-paid tal-mobile qabżu dawk pre-paid għall-ewwel darba minn meta beda l-ġbir tal-istatistika. Din il-bidla tirrifletti l-preferenzi tal-konsumatur li qed imorru għal iktar mobile data li tiswa inqas meta tkun parti minn kuntratt.
Din ix-xejra kkontribwiet ukoll għal żieda sinifikanti fil-volumi tal-mobile data traffic, u saħħet ir-rwol ċentrali tal-mobile networks fil-komunikazzjoni. Min-naħa l-oħra, it-tibdil tan-numri tal-mobile minn operatur għand ieħor naqsu b’7.9%, u dan jindika xenarju kompetittiv li qed jistabbilizza ruħu fis-servizzi mobbli, fejn il-konsumaturi jidhru li huma aktar sodisfatti mal-fornituri tas-servizzi tagħhom u m’għadhom ibiddlu daqs qabel.
Jikber fil-poplarità l-fibre optic u l-iptv
Is-suq tal-broadband fiss ra tkabbir solidu, b’abbonamenti jiżdiedu b’1.8%. Ċentrali għal dan it-tkabbir kien it-tnedija tal-fibre-to-the-home (FTTH), li qed tissostitwixxi l-infrastruttura bbażata fuq dik antika tal-wires tar-ram.
Dan it-tkabbir hu riżultat tal-investiment ta’ GO , li wassal għal tnaqqis ta’ 75.2% fl-abbonamenti tas-servizz tal-internet fuq is-sistema l-antika. GO issa għandha 91.1% tas-suq tal-FTTH u tinsab il-fibre optic u sa tmiem din is-sena is-kullimkien. Epic, b’sehem ta’ 7.9%, qed tkompli tespandi l-preżenza tagħha, filwaqt li Melita, li hi l-aħħar li bdiet tinvesti fil-FTTH, għadha qed tkabbar in-network tagħha tal-fibre optic.
Dawn l-isforzi kkontribwew għal żieda notevoli ta’ 41.5% fl-abbonamenti tal-FTTH, li ppermettew aċċess usa’ għal broadband u b’hekk fissru servizz tal-internet iktar veloċi fid-djar u n-negozji. L-impatt tal-infrastruttura tal-broadband huwa evidenti wkoll fil-qasam tat-televiżjoni, li kiber bi 2.4%.
Is-servizzi tat-telefonija fissa u postali jkomplu jonqsu
B’kuntrast mat-titjib diġitali, is-servizzi tat-telefonija fissa komplew jonqsu fil-popolarità tagħhom, bi tnaqqis ta’ 1.8% fl-abbonamenti sena wara sena. L-għadd ta’ telefonati u portings minn linja fissa naqas bi 31.4%, u dan jenfasizza r-rilevanza dejjem tonqos tal-linji fissi f’dinja dejjem aktar ibbażata fuq il-mobile.
Madankollu, fis-settur tan-negozju il-linja fissa għadha kemxejn importanti.
Sadanittant, is-settur tal-posta wkoll għaddej minn sfidi. Il-volum tal-posta naqas bi 3.8% u dan laqat il-kategoriji kollha tal-posta tas-servizz universali. L-akbar tnaqqis —ta’ 15.6% — kien fil-kategorija tal-posta tradizzjonali, li jirrifletti t-tranżizzjoni li għaddejja għall-korrispondenza diġitali.
Madankollu, punt pożittiv wieħed kien il-posta internazzjonali, li żdiedet bi 30.7%, b’riżultat ta’ żieda bla fil-kummerċ elettroniku. Dan jindika rwol li qed jinbidel għall-operaturi postali, li qed isiru iktar importanti fl-ekonomija diġitali permezz tal-parcel post.