Il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu approva bidliet proposti fir-regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri bi 38 vot favur, tnejn kontra u żewġ astensjonijiet, bil-għan li jitjieb l-infurzar u biex il-passiġġieri jkunu aktar konxji mid-drittijiet tagħhom f’każ ta’ tfixkil fl-ivvjaġġar.

Intermedjarji

Ir-regoli proposti jispjegaw b’mod aktar ċar ir-rwol tal-intermedjarji (bejgħ ta’ biljetti jew bejjiegħa bl-imnut) meta jiġi biex jirrifondu lill-passiġġieri tal-ajru f’każi li titħassar it-titjira, dewmien jew meta ma jitħallewx abbord. Il-MPE iridu li dawn il-kumpaniji jinfurmaw lill-passiġġieri, fil-mument tal-prenotazzjoni, dwar l-ispiża sħiħa tal-biljett tal-ajru, kwalunkwe tariffi ta’ servizz jew ta’ intermedjazzjoni, kif ukoll il-proċess tar-rifużjoni, li għandu jsir fi żmien massimu ta’ 14-il ġurnata. Jekk l-intermedjarju jonqos milli josserva dan il-limitu ta’ żmien, ir-rifużjoni trid titħallas mill-linja tal-ajru fi żmien 7 ijiem.

Formola Komuni

Il-MPE qed jappoġġjaw il-proposta li tiddaħħal formola komuni għall-kumpens u r-rifużjonijiet. Huma jridu wkoll li l-linji tal-ajru jkunu obbligati jibagħtu din il-formola mimlija minn qabel lill-passiġġieri, jew jużaw kanali awtomatiċi alternattivi ta’ komunikazzjoni, fi żmien 48 siegħa.

Ċirkostanzi Straordinarji

Biex jitnaqqas l-ambigwità dwar x’jikkostitwixxi “ċirkostanzi straordinarji” li bihom linji tal-ajru jistgħu jiċħdu kumpens, il-Kumitat segwa l-pożizzjoni li diġà kien adotta l-Parlament fl-2014 – jiġifieri lista definita ta’ eċċezzjonijiet bħalma huma diżastri naturali, gwerer, kundizzjonijiet tat-temp, jew tilwim tax-xogħol mhux mistenni (esklużi strajks tal-impjegati tal-linji tal-ajru).

Bagalji u aktar drittijiet għal vjaġġaturi vulnerabbli

Il-MPE iridu jiffaċilitaw l-ivvjaġġar bl-ajru billi jintroduċu qisien standard għal bagalji. Il-passiġġieri għandhom ikollhom id-dritt li jitilgħu abbord b’oġġett personali wieħed (bħal handbag, backpack jew laptop – 40x30x15cm massimu) u bagalja żgħira (massimu 100cm fid-daqs totali u 7kg fil-piż) mingħajr ħlas żejjed.

Barra minn hekk, il-MPE iridu jiggarantixxu li biex it-tfal taħt it-12-il sena jkunu bilqiegħda ħdejn il-persuna li tkun qed takkumpanjahom ma jkunx hemm ħlas. Huma qed jipproponu wkoll aktar protezzjoni għal persuni b’mobilità mnaqqsa, bħall-obbligu li persuna li takkumpanja lil dawn il-vjaġġaturi tkun tista’ tivvjaġġa mingħajr ħlas, u dritt għal kumpens f’każ ta’ telf jew ħsara lill-apparat ta’ mobilità jew korriment lill-annimal ta’ għajnuna.

Passi li jmiss

Il-membri tal-Kumitat għat-Trasport iddeċidew ukoll li jibdew taħditiet mal-pajjiżi membri tal-UE dwar il-forma finali tal-leġiżlazzjoni, jekk il-plenarja tagħti l-approvazzjoni tagħha f’Lulju 2025.

Fl-2014, il-Parlament wieġeb għal proposta tal-Kummissjoni biex jaġġorna d-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru, billi ppropona aċċess aħjar għall-kumpens għal passiġġieri li jittardjaw jew jinżammu fl-ajruport, filwaqt li jipprovdi linji gwida aktar ċari lill-linji tal-ajru dwar kif jittrattaw l-ilmenti.

Il-progress lejn ftehim kien wieqaf għal 11-il sena, sakemm f’Ġunju 2025 il-ministri tal-UE laħqu ftehim politiku bejniethom, u fetħu t-triq għan-negozjati mal-Parlament.

Fl-2023, il-Kummissjoni ressqet aktar emendi biex tiżgura protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-passiġġieri fl-UE meta jivvjaġġaw bl-ajru, ferrovija, baħar, ilma intern jew b’xarabank/coach. Il-Kummissjoni pproponiet ukoll li dawn ir-regoli jkunu komplementati biex passiġġieri jibbenefikaw mill-istess livell ta’ protezzjoni meta jaqilbu minn mezz ta’ trasport għal ieħor matul il-vjaġġ tagħhom.