Skema tal-gvern immirata għal ħaddiema fl-industrija tat-turiżmu li ilhom xhur inattivi minħabba t-tnaqqis fix-xogħol ikkawżat mill-COVID-19 jidher li twarrbet għalkemm mhux magħruf eżattament x’sar minnha.

F’Ottubru li għadda l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu kienet ħarġet sejħa pubblika għal dawk il-ħaddiema interessati li jtaffu s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom, billi temporanjament jassistu lill-awtoritajiet tas-saħħa biex jidentifikaw persuni li jkunu ġew f’kuntatti ma’ dawk li ġew infettati. L-inizjattiva kienet maħsuba wkoll biex tagħti spinta tant meħtieġa fuq contact tracing, li minħabba li ma kienx hemm biżżejjed nies fid-dawl taż-żieda qawwija f’każi pożittivi. Taħt din l-iskema l-applikanti magħżula jibqgħu jingħataw il-wage supplement ta’ €800 fix-xahar, flimkien ma’ ħlas ta’ €5.28 fis-siegħa jew id-differenza bejn il-wage supplement u s-salarju ta’ Skala 10 tal-Gvern.

L-iskema tal-MTA kienet qajmet interess qawwi u aktar minn 900 ħaddiem kienu applikaw. Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u l-Ministru tat-Turiżmu ta’ dak iż-żmien Julia Farrugia Portelli kienu iddeskrivew dan ir-rispons bħala suċċess kbir.

Madankollu, l-awtoritajiet jidhru li reġa’ bdielhom għax minn dakinhar ma nstema’ xejn aktar. L-applikanti li kienu ħerqana li jaqilgħu xi ħaġa żejda ilmentaw ma’ Voice of the Workers Weekly li tħallew fil-għama.

F’Jannar li għadda, Shift News ikkwota kelliem tal-MTA qal li responsabbiltà li tibda titħaddem l-iskema kienet tal-Ministeru tas-Saħħa. Madankollu, ma ngħatat l-ebda spjegazzjoni għad-dewmien. L-MTA kienet qalet li l-awtoritajiet tas-saħħa bħalissa kienu qegħdin jelenkaw lill-applikanti.

Sadanittant, hekk kif in-numru ta’ każijiet ta’ COVID-19 laħaq livelli rekord u poġġa s-sistema tal-kura tas-saħħa taħt pressjoni qawwija, bdew iqumu mistoqsijiet dwar id-din l-iskema fost appelli minn front liners biex jingħataw iktar riżorsi.

Voice of the Workers Weekly ipprova jitfa’ dawl fuq il-kwistjoni u bagħat mistoqsijiet lill-Ministeru tas-Saħħa fejn staqsa jekk u meta l-iskema bdiet titħaddem, u n-numru ta’ applikanti li kienu ngaġġati. Madankollu, bqajna mingħajr risposta.

Sadanittant, iż-żieda qawwija fl-infezzjonijiet wasslet biex il-gvern jerġa’ jdaħħal ħafna mir-restrizzjonijiet li kienu fis-seħħ sena ilu, meta bdiet il-pandemija. Dan wassal  biex il-pjan tal-prim ministru li l-pajjiż jirritorna għan-normalità sa Mejju li ġej, jisfaxxa fix-xejn. Is-sitwazzjoni attwali f’Malta tikkuntrasta ma’dik fi Stati Membri oħra tal-UE fejn in-numru ta’ każijiet qed jonqos sal-punt li xi restrizzjonijiet qed jibdew jitnaqqsu.

.