Xerrejja fuq l-internet għandhom ikunu trattati l-istess
Ir-regolamenti l-ġodda tal-Unjoni Ewropea, proviżorjament maqbula min-negozjaturi tal-Parlament u tal-Kunsill, jiddefinixxu sitwazzjonijiet speċifiċi fejn “il-geo–blocking” mhux se jitħalla jsir. Dan ifisser li bejjiegħa fuq l-internet mhux se jkunu kapaċi jiddiskriminaw kontra l-klijenti f’xi pajjiż fl-Unjoni Ewropea f’dawk li għandhom x’jaqsmu t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali, fosthom il-prezzijiet, abbażi tan-nazzjonalita’ tagħhom, il-post fejn jgħixu jew anki r-residenza temporanja tagħhom.
Roza Thun, ir-rapporteur tal-Kumitat dwar is-Suq Intern u l-Protezzjoni tal-Konsumatur tal-Parlament Ewropew, qalet: “Bil-ftehim il-ġdid, mhux se jkun hemm aktar ostakli tekniċi sabiex taċċessa l-websites u l-apps tal-bejjiegħa, u l-konsumaturi lanqas mhuma se jiġu rifjutati bejgħ minħabba indirizz ta’ credit card. Barra minn hekk, il-konsumatur mhux se jittieħed lejn xi website oħra ta’ xi pajjiż speċifiku mingħajr il-kunsens tiegħu jew tagħha.”
“Ninsab kuntenta li wara sena u nofs ta’ xogħol iebes aħna qbilna fuq arranġament tajjeb, li jiftaħ is-suq Ewropew għall-konsumaturi u l-bejjiegħa. Jekk dan il-ftehim proviżorju jkun konfermat mill-Kunsill u l-Parlament, sal-Milied 2018 il-konsumaturi għandhom ikunu kapaċi jixtru prodotti fl-istati membri kollha mingħajr problemi”, żiedet Ms. Thun.
Xerrejja fuq l-internet minn pajjiż ieħor fl-Unjoni Ewropea għandhom ikunu trattati bħal konsumaturi lokali meta:
- Jixtru oġġetti (eż. apparat fid-dar, elettronika, ħwejjeġ) li jitwasslu sa stat membru fejn il-bejjiegħ joffri t-twassil fil-kundizzjonijiet ġenerali tiegħu, jew jinġabru f’post maqbul mit-tnejn f’pajjiż fl-UE fejn il-bejjiegħ joffri tali għażla,
- Jirċievu servizzi li jingħataw elettronikament li ma jkunux protetti bil-copyright, bħal servizzi tal-cloud, firewalls, data warehousing, website hosting, jew
- Jixtru servizz li jingħata fil-bini tal-bejjiegħ jew f’post fiżiku fejn jaħdem il-bejjiegħ, eż. akkomodazzjoni f’lukandi, avvenimenti sportivi, kiri ta’ karozzi, festivals mużikali jew biljetti għal parks tad-divertiment.
Oġġetti li jkunu trasferiti awtomatikament lejn website oħra, għal raġunijiet relatati ma’ nazzjonalita’ jew residenza, mingħajr il-kunsens tal-klijent, ukoll mhux se jitħallew isiru.
Kif propost mill-Kummissjoni Ewropea, kontenut li jkollu copyright diġitali, bħal kotba elettroniċi, mużika jew video games, għalissa tħallew barra mir-regolamentazzjoni.
Madankollu, in-negozjaturi tal-Parlament kisbu “klawsola ta’ verifika” ambizzjuża fejn intwera b’mod ċar li l-Kummissjoni Ewropea trid tevalwa, fi żmien sentejn mid-dħul tar-regolamentazzjoni, mhux biss jekk għandhiex testendi l-għan tagħha għal kontenut mhux awdjo-viżiv bil-copyright, iżda wkoll li tanalizza bir-reqqa jekk setturi addizzjonali, bħalma huma s-servizzi awdjo-viżivi u t-trasport, għandhomx ikunu inklużi.
Il-ftehim proviżorju għad jeħtieġ li jkun konfermat mill-ambaxxaturi tal-istati membri tal-UE u mill-Kumitat dwar is-Suq Intern tal-Parlament Ewropew. Ir-regolamentazzjoni fi stadju ta’ abbozz imbagħad se tkun tista’ titressaq għall-vot mill-Parlament sħiħ fis-sessjoni plenarja li jmiss u jkun approvat formalment mill-Kunsill tal-Ministri tal-UE.